Lokali

Imut wara li qajjem kommossjoni f’dar privata f’Ħaż-Żabbar

Raġel ta’ 48 sena residenti Ħaż-Żabbar tilef ħajtu matul il-lejl wara li aktar kmieni filgħaxija kien involut f’argument ma’ tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.

Skont stqarrija tal-Pulizija, ir-raġel kien qed iwaddab affarijet minn fuq il-bejt tar-residenza tiegħu fi Triq Alessio Erardi, Ħaż Żabbar u kien għalhekk, li Pulizija tad-Distrett marru fil-post u sejħu lir-raġel, li niżel kif kien mitlub.

Triq Alessio Erardi, Ħaż-Żabbar

Madankollu wara dan l-inċident, jidher li l-Pulizija kellha terġa tissejjaħ, u din id-darba mal-Pulizija tad-Distrett ingħaqdu wkoll uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit, wara li l-istess raġel kien qed ikun aggressiv fil-konfront ta’ tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li mar fuq talba tal-familjari tar-raġel.

Kien hawn li r-raġel issakkar f’kamra fuq il-bejt minn fejn ma riedx joħroġ u x’aktarx kien armat. Wara diversi sigħat, il-Pulizija rnexxielhom jikkonvinċuh jinżel. Iżda hu reġa’ beda jkun agressiv fil-konfront tat-tabib sakemm telaq jiġri fis-sular ta’ fuq u ta’ salt għat-tieqa, bil-Pulizija tar-RIU kienu kostretti jżommuh bl-użu ta’ stun gun. Min-naħa tiegħu, it-tabib amministra injezzjoni biex ir-raġel iżomm kalm.

Ir-raġel ingħata wkoll l-assistenza medika mit-tim mediku tal-ambulanza li kienu qed jistennew barra, peress li ntilef minn sensih.

Għall-ħabta tal-11.30pm ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei bl-ambulanza, skortata mill-Pulizija. Ftit tal-ħin wara l-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel kien tilef ħajtu.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. Se ssir ukoll awtopsja u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.