Coronavirus Lokali

In-nies bir-raġun qed jistaqsu min hu l-veru Prim Ministru ta’ pajjiżna – Adrian Delia

“Huwa tat-tħassib li f’mument ta’ inċertezza għal pajjiżna u meta l-għajnejn tal-Kummissjoni Ewropea, l-Kummissjoni Venezja u l-Moneyval għadhom fuq pajjiżna, Robert Abela qed jirrikorri għal Joseph Muscat, li kien l-iżjed Prim Ministru korrott fid-dinja u li niżel it-taraġ ta’ Kastilja wara li l-poplu qam u wera l-korla għaċ-ċertifikat ta’ korruzzjoni u l-allegazzjoni serjissima li fi żmienu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja nħema l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Bir-raġun li n-nies qegħdin jistaqsu min hu l-veru Prim Ministru ta’ pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalista tat-Times of Malta Keith Micallef.

Dr Delia spjega kif il-poplu jinsab imweġġa’ u mħasseb li Robert Abela kellu jirrikorri għal Joseph Muscat, għax qed juri li mhux se jieħu d-deċiżjonijiet hu, u bl-ebda mod mhu qed juri li se jagħmel l-affarijiet b’mod differenti minn qabel. Dan meta pajjiżna għadu taħt l-iskrutinju ta’ istituzzjonijiet dinjija u Ewropej u fi żmien meta rridu nibgħatu sinjal ċar li l-affarijiet se jsiru b’mod differenti u li mhux se nirritornaw lura għaż-żmien tal-korruzzjoni. Huwa qal li jekk mhux se nuru din il-bidla se jkun hemm prezz li pajjiżna se jispiċċa jħallas u staqsa jekk Robert Abela għandux idejh marbutin u għalhekk kellu jibgħat għal Joseph Muscat, li bħal Konrad Mizzi huwa parti mill-ikbar każijiet ta’ korruzzjoni li qatt ġraw f’pajjiżna.

Mistoqsi kif avukat li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali llum qed jidher għal persuna li tinsab akkużata bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Adrian Delia qal li meta jkollok persuna li ftit minuti jinża l-kappell mill-uffiċċju ta’ prosekutur u f’daqqa waħda jibda jfittex lill-istess uffiċċju, ma jkun qed jingħata l-ebda komfort li f’pajjiżna l-affarijiet qegħdin isiru b’mod tajjeb. Dan meta l-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir.

Dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq l-għoti tal-art li kienet tal-ITS, Adrian Delia qal li hija karatteristika tal-Gvern Laburista li ħadd ma jrid iġorr ir-responsabbiltà ta’ xejn u kull darba li joħorġu rapporti li kien hemm skorrettezzi ta’ kif saru l-affarijiet u li jikkundannaw id-deċiżjonijiet u l-aġir tal-Gvern jibqa’ ma jsir xejn. Dwar il-konklużjoni tar-rapport, Adrian Delia qal li hija trademark ta’ Konrad Mizzi li l-ewwel idaħħal lil pajjiżna f’kuntratti abbużivi imbagħad jisparixxi, bl-istess mod li ma kienx preżenti fil-Parlament biex jispjega għalfejn minn wara dahar kulħadd iffirma li rridu nagħtu €100,000,000 lil Steward jekk jiksru l-kuntratt tat-tliet sptariiet. Huwa staqsa f’liema pajjiż demokratiku u modern jinkixfu dawn l-affarijiet u ħadd ma jieħu r-responsabbiltà meta l-Gvern għandu jagħti l-komfort li jinbidlu l-affarijiet u jagħti garanzija u serħan tal-moħħ fuq il-proċess tat-tendering u d-direct orders.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern qed jonqos li jagħti serħan tal-moħħ ukoll lil 110,000 ħaddiem u l-familji tagħhom li sal-lum għadhom qegħdin jgħixu fl-inċertezza u bla garanzija dwar xogħolhom u li tħallew waħedhom jaffaċċjaw l-isfidi f’dan iż-żmien. Adrian Delia qal li dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom mhux tbassir ta’ dokumenti ekonomiċi jridu iżda garanzija għax-xogħol u li jistgħu jibqgħu jgħixu fi kwalità tal-ħajja. Huwa qal li jeħtieġ li jkollna safety net biex ma jintilfux iżjed impjiegi u ma jkunx hawn negozji li jagħlqu. Ħasra li qed tintilef ir-ruħ soċjali meta l-Gvern ikun insensittiv u jonqos li jaċċerta l-għixien tan-nies li għadhom inkwetati fuq il-futur tagħhom.

Dwar l-immigrazzjoni irregolari Dr Delia qal li Robert Abela biex jidher popolist, l-ewwel jgħid li mhux se jagħmel kompromess imbagħad biddel il-verżjoni u qal li se jagħmel search & rescue u jerġa’ jdawwar ir-rota wkoll bl-involviment mill-ġdid ta’ Neville Gafa. Huwa qal li l-immigrazzjoni hija problema tal-Ewropa kollha iżda biex tinnegozja u nirbħu s-solidarjetà trid tkun kredibbli, meta Robert Abela m’għandux l-kredibbiltà, l-abbiltà u l-istatura li jmur fl-Unjoni Ewropea u jikkonvinċi. Adrian Delia qal li meta Robert Abela qed jagħżel it-triq tar-ritaljazzjoni mal-Ewropa, hu minflok qed jagħżel il-politika tal-persważjoni. Għamel referenza għad-dokument dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran li sar mill-Membru tal-Parlament Ewropew tal-PN Roberta Metsola, filwaqt li saħaq li rridu nkunu ġusti ma’ dawk li jitolbu l-protezzjoni, sodi ma’ dawk li mhux eleġibbli għall-żail u ħorox mat-traffikanti kollha li jridu jirkbu fuq it-tbatijiet ta’ persuni vulnerabbli.

Meta l-ġurnalist tat-Times qal li l-Grupp Parlamentari tal-PN huwa l-iżjed magħqud f’dawn l-aħħar snin, il-Kap tal-PN Adrian Delia wieġeb li hu jrid Oppożizzjoni b’saħħitha li taspira li tkun gvern alternattiv. Huwa qal li kull membru tal-Grupp Parlamentari tal-PN qed jaħdem b’entiużjażmu u b’mod strutturat. Adrian Delia qal li fil-ġranet li ġejjin se jitniedu strutturi ġodda bi gruppi li se jaħdmu flimkien fuq setturi differenti tas-soċjetà u tal-pajjiż biex jitressqu l-ideat u l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal wara l-imxija tal-COVID biex flimkien nagħmlu trasformazzjoni reali ‘l quddiem għal normalità gdida, aħjar minn dik li ħallejna warajna.