Lokali Qorti

L-Avukat Ġenerali nkwetat bil-każ ta’ Charles Mercieca

Jammetti li fil-kuntest preżenti mossa bħal din tħassbu

L-Avukat Ġenerali Peter Grech stqarr li jinsab imħasseb bis-sitwazzjoni tal-Avukat Charles Mercieca, wara li dan tal-aħħar ingħaqad mat-tim legali ta’ Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat bil-kompliċità fl-eżekuzzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ftit sigħat biss wara li rreżenja mill-uffiċċju tal-prosekutur.

F’intervista mal-ġurnal The Malta Independent, Peter Grech sostna li Mercieca ma kellu ebda informazzjoni relatata mal-investigazzjoni tal-prosekuzzjoni b’rabta mal-omiċidju madanakollu qabel li din iċ-ċaqlieqa li għamel ħolqot disturb bla bżonn.

Filwaqt li l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed jappellaw sabiex issir inkjesta dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ lill-Gvern sabiex jispjega għaliex sar dan l-aġir bil-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jiddeskrivieh bħala wieħed ‘insensittiv’.

Madanakollu, l-Avukat Ġenerali saħaq li “kull ħaddiem għandu d-dritt li jbiddel l-impjieg tiegħu – madanakollu meta ċaqlieqa bħal din toħloq dan it-tfixkil u fastidju kollu ovjament ser inkun inkwetat dwarha”.

Huwa sostna li l-Prokoraturi Legali u l-Avukati jridu jsegwu kodiċi tal-Etika, b’żewġ klawżoli li jekk dawn ma jiġux mħarsa hemm passi dixxiplinarji x’jittieħdu.

  1. L-ebda avukat jew prokoratur legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jistgħu jagħmlu appuntamenti personali jew jieħu pożizzjoni ta’ vantaġġ tagħhom mingħajr il-permess tal-liġi jew tal-Uffiċċju stess.
  2. Avukat jew prokoratur legali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu jżomm l-imġieba barra l-uffiċċju b’riżervatezza sabiex ma jippreġudikax każ kriminali l-Qorti.

Peter Grech saħaq li wieħed irid jibbaża l-fatti dwar jekk dawn ir-regoli tkissrux jew le fuq fatti u mhux spekulazzjonijiet.

Il-fatt li Charles Mercieca ingħaqad mat-tim legali li qed jiddefendi lil Yorgen Fenech f’daqshekk qasir żmien jindika li kien diġà f’kuntatt magħhom waqt li kien għadu qed jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, madanakollu, Peter Grech saħaq li jekk wieħed jagħmel dan ma jkun qed jikser ebda liġi.

Iżda, l-Avukat Ġenerali ammetta li f’dawn iċ-ċirkostanzi u fil-kuntest li ninsabu fih “dan il-każ partikolari għamel differenza kbira”.