9 TA’ MEJJU 2014
Proprju sitt snin ilu, fl-Istadium Nazzjonali ntlagħbu erba’ logħbiet mill-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena. F’dawn il-partiti lagħbu fost l-aqwa talent żagħżugħ fl-Ewropa, bil-pubbliku Malti kellu ċ-ċans li jammira t-talent tagħhom.
Malta li lagħbet fil-fażi finali bħala l-pajjiż organizzatur, lagħbet l-ewwel logħba kontra l-Ingilterra. Għalkemm il-preparazzjoni tat-tim Malti kienet wisq aktar mis-soltu, id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti, bl-Ingliżi jirbħu 3-0.
Għal din il-logħba, il-kowċ ta’ Malta Sergio Soldano ħareġ b’formazzjoni ta’ 4-2-3-1, b’Jamie Azzopardi fil-lasta, difiża ffurmata minn Jean Borg, Christian Degabriele, Nick Ghio u Daniel Buckle. Nofs il-grawnd kien magħmul minn Matthew Guillaumier, Jake Grech, Conor Borg, Joseph Mbong u Aidan Friggieri, b’Kyrian Nwoko jibda bħala l-attakkant prinċipali.
L-Ingilterra fetħet l-iskor wara kwarta b’azzjoni ta’ PATRICK ROBERTS li minn fuq il-lemin għadda tajjeb u għeleb lil Jamie Azzopardi b’xutt fil-baxx. It-tieni gowl wasal għaxar minuti wara meta din id-darba Roberts serva lejn ADAM ARMSTRONG li għeleb lil Azzopardi wkoll b’xutt fil-baxx. L-Ingliżi serrħu rashom mir-rebħa fit-48 minuta bit-tielet gowl li wasal minn PATRICK ROBERTS li skorja b’xutt fenomenali minn barra l-kaxxa.
//= $special ?>