Futbol Sport

16-IL SENA ILU: Sliema jilħqu lir-rivali Floriana bir-rebħ tal-25 kampjonat

(Ritratt: In-Nazzjon)

9 TA’ MEJJU 2004

Sliema Wanderers iċċelebraw ir-rebħ tat-tieni kampjonat konsekuttiv b’telfa kontra l-eqreb rivali Birkirkara. Dan kien il-25 kampjonat fl-istorja tagħhom u laħqu lir-rivali Floriana. Dan kien it-tielet kampjonat taħt il-Presidenza ta’ Robert Arrigo. It-telfa tappnet b’mod temporanju il-ferħ tas-Slimiżi iżda mat-tisfira finali, it-telfa ntesiet ftit għalkemm fi tmiem il-logħba, iż-żewġ settijiet ta’ plejers bdew jimbuttaw lil xulxin.

Il-gowl tal-vantaġġ għall-Istripes wasal fit-22 minuta bi kross ta’ Mark Anthony Bonnici joħloq konfużjoni quddiem il-kaxxa ta’ Murphy Akanji, bl-attakkant JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA jixħet fix-xibka. Birkirkara rduppjaw fl-40 minuta meta reġa’ kien JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA li żmarka ruħu u tefa’ fir-rokna ta’ Akanji.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Wara l-mistrieħ Sliema ħarġu aktar aggressivi u naqqsu d-distakk fl-54 minuta. Ir-referee Lorry Sammut saffar penalty għal dak li ġġudika bħala fawl ta’ Lino Galea fuq Stefan Giglio fil-kaxxa. DANILO DONCIC għeleb lil Justin Haber mill-penalty biex skorja d-19-il gowl fil-kampjonat u b’hekk spiċċa l-aqwa skorer.

Fi tmiem il-logħba, il-President tal-MFA Joe Mifsud ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Sliema Wanderers Noel Turner fost il-ferħ tal-partitarji Slimiżi li telgħu Ta’ Qali bi ħġarhom.

(Ritratt: In-Nazzjon)