Sport

20 SENA ILU: It-Torċa Olimpika tibda l-itwal vjaġġ tagħha

(Ritratt: EPA)

10 TA’ MEJJU 2000

Għaddew eżattament 20 sena minn meta t-Torċa Olimpika bdiet l-itwal vjaġġ tagħha mill-Greċja lejn Sydney fl-Awstralja. Kif isir b’mod tradizzjonali, saret iċ-ċerimonja f’Olympia, fil-Greċja l-antika. Il-vjaġġ kien ta’ madwar tliet xhur li għadda mill-villaġġi Griegi għal madwar għaxart ijiem. Fl-20 ta’ Mejju ngħatat lill-organizzaturi ta’ Sydney f’ċerimonja simboliku fil-Panathenaic Stadium, il-post fejn saru l-ewwel Olimpjadi moderni fl-1896. Wara t-torċa għaddiet mill-Gżejjer tal-Paċifiku, il-kontinent Awstraljan u saħansitra taħt il-mewġ tal-Great Barrier Reef.

(Ritratt: EPA)

Sfortunatament, il-fjamma Olimpika naqset li tixgħel waqt ir-rit taċ-ċerimonja fit-Tempju ta’ Hera, wieħed mill-aktar monumenti importanti li jinsab fil-parti l-antika tal-Greċja. Minkejja li t-temp kien sabiħ, sakemm spiċċaw l-indirizzi tal-kelliema, tela’ s-sħab u l-fjamma li kienet ħdejn riflettur tax-xemx biex tipprovdi s-sħana, ma setgħetx tinxtegħel. Minflok intużat fjamma li kienet intużat waqt iċ-ċerimonja preliminari.

It-torċa Olimpika kellha forma ta’ boomerang u kellha triq ta’ 27,000 kilometru. Il-vjaġġ kellu jdum aktar minn 100 ġurnata sakemm tasal Sydney fil-15 ta’ Settembru biex tinxtegħel il-fjamma fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ.