Futbol Sport

67 SENA ILU: Rekord minn Floriana bir-rebħ tar-raba’ kampjonat konsekuttiv

10 TA’ MEJJU 1953

Preċiżament 67 sena ilu, Floriana ħolqu rekord li għadu magħna sal-lum hekk kif dakinhar kienu rebħu r-raba’ kampjonat konsekuttiv. Dan kien is-16-il kampjonat mirbuħ mill-Furjaniżi f’era tad-deheb hekk kif fis-snin 50 rebħu xejn anqas minn sitt kampjonati. Fl-istaġun 1949/50, Floriana bi 23 punt minn 14-il logħba punt fuq Ħamrun Spartans. Fl-istaġun ta’ wara, Floriana reġgħu kisbu 23 punti u spiċċaw tliet punti fuq Hibernians. It-tielet kampjonat konsekuttiv wasal bi Floriana jiksbu 24 punt, erbgħa aktar minn Ħamrun Spartans.

Il-kampjonat ta’ dak l-istaġun kien missielet u kien deċiż fl-aħħar logħba. Din id-darba l-isfidanti kienu Birkirkara u Valletta. Għal Birkirkara dan kien it-tieni staġun tagħhom fl-ogħla diviżjoni u kienu logħba bogħod mir-rebħ tal-kampjonat wara rebħa kontra Ħamrun Spartans. L-aħħar partita kienet bejn Floriana u Valletta fl-10 ta’ Mejju quddiem stadium mimli. Qabel il-logħba, Birkirkara kienu fil-quċċata b’20 punt filwaqt li Floriana u Valletta kellhom 19-il punt.

Il-Beltin kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima u marru fil-vantaġġ wara 20 minuta permezz ta’ Leli “Pesa” Pace. Kmieni fit-tieni taqsima, il-gowlkiper ta’ Floriana Gużi Alamango salva mirakolożament fuq xutt ta’ Silvio Rapinett u żamm lil Floriana fil-logħba.

Dan l-episodju serva ta’ żvolta fil-logħba hekk kif ftit wara Salvinu Schembri għamel penalty u minnu Joe Bennetti ġab id-draw. Sa dak il-ħin, it-tliet timijiet kienu b’punti ndaqs iżda Floriana kellhom ħsibijiet oħra. Huma skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Stan Williams u Joe Bennetti biex rebħu l-logħba 3-1 u kisbu r-raba’ kampjonat. Il-Furjaniżi spiċċaw b’21 punt, punt aktar minn Birkirkara u tnejn fuq Valletta.