Lokali

AĠĠORNATA: Jirriżenja l-ambaxxatur li qabbel lil Merkel ma’ Hitler

Irriżenja Michael Zammit Tabona l-ambaxxatur li qabbel lil Merkel ma’ Hitler permezz ta’ post fuq Facebook. Zammit Tabona huwa d-Direttur tal-Captain Morgan.

Tul il-jum inqtal li Malta se tkun qed twettaq apoloġija lill-Germanja wara li l-ambaxxatur ta’ Malta għal Finlandja Michael Zammit Tabona qabbel lil Angela Merkel ma’ Adolf Hitler. Sorsi qalu li kumment bħal dan qajjem mhux ftit ta’ tħassib fil-Ministeru tal-Affarjiet Barranin, tant huwa hekk li bosta qalu li kumment bħal dan “imbarazza lil Malta”. Filfatt dan il-kumment spiċċa ċappas isem pajjiżna fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru tal-Affarjiet Barranin Evarist Bartolo qal li din l-apoloġija se tkun qed tintbagħat lill-ambaxxata Ġermaniża.

Zammit Tabona kien ordnat ineħħi l-post minn fuq Facebook

Evarist Bartolo qal ukoll li se jkun qiegħed joħroġ tfakkira lill-ambaxxaturi biex jużaw il-midja soċjali b’mod responsabbli.

Il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija ħabbret li kienet qed tilqa’ l-aħbar tar-riżenja ta’ Michael Zammit Tabona mill-Ambaxxatur tal-Finlandja, wara l-kummenti tiegħu fuq il-midja soċjali.

Il-Kamra saħqet li kummenti bħal dawn ma jagħmlu xejn ħlief ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż. “Il-persuni kollha li għandhom kariga pubblika għandhom jieħdu ħsieb aktar minn ħaddieħor meta jesprimu lilhom infushom”, kompliet tgħid l-istqarrija.

Governanza tajba titlob standards etiċi, professjonali u diplomatiċi mill-Ambaxxaturi. Il-pajjiż għandu jkollu rappreżentanti tal-ogħla kredibilità li jattiraw livelli ta’ fiduċja qawwija fl-interess ta’ Malta, temmet tgħid l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ.