L-aħħar statistika mill-Ġermanja uriet żieda fl-ammont ta’ infezzjonijiet mill-coronavirus ( Covid-19), bil-konferma tingħata jiem biss wara li l-pajjiż naqqas ir-restrizzjonijiet tal-lockdown.
Skont l-Istitut ta’ Robert Koch, ir-rata tar-riproduzzjoni tal-marda (jew l-ammont ta’ persuni li jispiċċaw infettati minn pazjent) fil-Ġermanja telgħet ‘il fuq mil-livell ta’ ‘wieħed’. Dan ifisser li r-rata tal-infezzjonijiet reġgħet qed iżżid fil-pajjiż – bir-rapport jingħata ftit wara li eluf ta’ Ġermaniżi kienu nġabru għal dimostrazzjonijiet favur l-għeluq totali tal-lockdown fi bliet bħal Berlin, Frankfurt, Stuttgart u Munich.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ftit tal-jiem ilu, ħabbret tnaqqis fir-restrizzjonijiet tal-lockdown, fuq bażi nazzjonali, wara li diskutiet is-sitwazzjoni mal-mexxejja tas-sittax-il Stati Ġermaniżi.
Intant, il-ħwienet kollha fil-Ġermanja qed jitħallew jiftħu mill-ġdid, bl-istudenti kollha qed jirritornaw, gradwalment, fl-iskejjel u bil-Bundesliga – il-kampjonat tal-futbol ewlieni fil-Ġermanja – se tkompli bil-programmi tal-logħob fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Il-Ġermanja għandha s-seba l-ogħla ammont ta’ każi kkonfermati tal-Covid-19 fid-dinja – bl-aħħar data tikkonferma qrib il-170,000 infettati u ftit aktar minn 7,300 vittmi.
Madankollu, ħafna ċittadini madwar il-pajjiż qegħdin jinsistu biex il-miżuri ta’ prekawzjoni jitneħħew ‘aktar malajr’. Dan meta ż-żieda rappurtata fin-numru tal-infezzjonijiet lokali għandha tirrikjedi ‘moniteraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni (mill-awtoritajiet) fil-jiem li ġejjin’.
Il-Ġermanja qalgħet it-tifħir għal kif irreaġiet għall-pandemija tal-coronavirus – bi programmi ta’ testijiet għall-massa u restrizzjonijiet tal-lockdown effettivi jgħinu biex iċ-ċifra tal-mejtin tinżamma ħafna anqas minn ta’ pajjiżi Ewropej oħra bħall-Italja, Franza u r-Renju Unit.
Madankollu, hemm anki numru ta’ Ġermaniżi li qed jikkritikaw id-deċiżjoni ta’ Merkel biex tnaqqas mill-miżuri tal-lockdown — u fost l-inkwiet li r-restrizzjonijiet setgħu tneħħew malajr wisq. L-inkwiet hu dovut għall-possibbiltà li ż-żieda ta’ nies barra t-triq għandha tissarraf fi spinta ta’ infezzjonijiet ġodda fil-Ġermanja fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>