Internazzjonali

Covid-19: L-ammont tal-każi globali jaqbeż l-erba’ miljuni

‘Il fuq minn erba’ miljun każ tal-coronavirus (Covid-19) kienu rappurtati madwar id-dinja, skont l-aħħar data mill-Johns Hopkins University. Dan meta ċ-ċifra globali tal-imwiet mill-infezzjonijiet telgħet għal aktar minn 281,000.

L-Istati Uniti tibqa’ l-agħar pajjiż milqut, meta għandha aktar minn 25 fil-mija tal-każi tal-Covid-19 ikkonfermati u terz tal-imwiet madwar id-dinja.

Intant, l-esperti qed iwissu li l-ammont ‘veru’ tal-infezzjonijiet jista’ hu ferm ogħla mill-turi l-istatistika uffiċjali. Ir-raġuni li qed tissemma tinvolvi r-rati baxxi tat-testijiet f’xi pajjiżi li ma jurux ‘il-vera stampa’ f’din is-sitwazzjoni.

Għalkemm l-imwiet mill-coronavirus qed ikomplu jonqsu f’numru ta’ pajjiżi – Spanja inkluża – hemm tħassib li t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet tal-lockdown għandu jwassal għal ‘tieni mewġa’ ta’ infezzjonijiet.

Il-Gvern fir-Renju Unit għamilha ċara li se jeżerċita ‘il-massimu tal-kawtela’ waqt li jkun qed jnaqqas mir-restrizzjonijiet. Fl-istess ħin, Franza – li rreġistrat l-anqas numru ta’ vittmi mill-Covid-19 (fuq perjodu ta’ 24 siegħa) għal aktar minn xahar – qed taħseb biex, minn għada, tnaqqas ir-restrizzjonijiet għall-poplu.

Il-lockdowns qed ikomplu f’pajjiżi bħall-Afrika t’Isfel minkejja s-sejħiet mill-Partiti tal-Oppożizzjoni biex in-nies jingħataw livell akbar ta’ libertà.

Fil-Korea t’Isfel, intant, qegħdin ikunu imposti mill-ġdid ir-restrizzjonijiet għall-klabbs u l-istabbilimenti tax-xorb wara sensiela ta’ trasmissjonijiet tal-marda li qed ikunu konnessi mas-settur lokali għad-divertiment.

Sadanittant, uffiċjal ewlieni tal-Gvern Ċiniż qal lill-istampa lokali li l-pandemija kienet ‘eżami kbira li żvelat in-nuqqasijiet fis-sistema tas-saħħa pubblika taċ-Ċina’. L-ammissjoni rari ta’ Li Bin, li hu d-direttur tal-Kummissjoni Nazzjonali ( Ċiniża) tas-Saħħa, qed issir wara mewġa ta’ kritika minn barra l-pajjiż għall-mod kif Ċina rreaġiet għall-ewwel ġranet tal-pandemija li feġġet f’artha stess.

Iżda minkejja l-provi xjentifiċi dwar l-impatt tal-pandemija hemm ukoll mexxejja ta’ pajjiżi li baqgħu xettiċi dwar il-virus u l-ħtieġa għal-lockdowns.

Fil-Belarus, eluf ta’ suldati, fi tmiem il-ġimgħa, ħadu sehem fil-parata ta’ Jum ir-Rebħa, b’tifkira tat-trijonf tal-Alleati fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Intant, il-ġurnal mediku influwenti The Lancet ikkritika bil-qawwi lill-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, bħala l-akbar theddida għall-kapaċitajiet ta’ pajjiżu ( li għandu 156,000 każ ta’ infezzjoni) biex jikkontrolla l-firxa tal-Covid-19.