Coronavirus Ekonomija Lokali

Ġimgħa wara li bdew jiftħu mill-ġdid numru ta’ ħwienet… il-bejgħ ma bediex jirranka

Ġimgħa wara li bdew jiftħu mill-ġdid numru ta’ ħwienet, il-komunità tan-negozju u tal-ħwienet hi mħassba li, filwaqt li kulħadd hu koxju li minn x’imkien trid tagħraf kif se terġa’ tibda tħaddem in-negozju, din xejn mhi se tkun faċli. Il-bejgħ ma bediex jirranka u hu fatt ukoll li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin mhux se jkollna ekonomija li tkompli tikber.

“Il-Kamra Maltija tal-SME’s hi kuntenta li dwar ċerti affarijiet kienet konsultata mill-Gvern, iżda min-naħa l-oħra l-ftuħ tal-ħwienet nhar it-Tnejn li għadda sar b’avviż qasir fil-jum tal-Ġimgħa ta’ qabel u għalhekk tal-ħwienet ma setgħux jagħmlu l-preparamenti li kellhom bżonn.

“Is-sidien tal-ħwienet kellhom id-diffikultà li jridu jiftħu t-Tnejn li għadda, iżda mbagħad riedu jiffaċċjaw numru ta’ diffikultajiet marbuta max-short notice… il-problema tal-maskli, il-problema tar-restrizzjonijiet u l-problema li kien hemm ħaddiema li ma kenux għadhom jafu li l-ħwienet se jerġgħu jiftħu u għalhekk kienu laħqu għamlu l-preparamenti tagħhom.”

Abigail Mamo, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Kamra tal-SME’s, f’kummenti lil il-mument fissret li l-aktar ħaġa importanti f’dan ix-xenarju kollu hi li issa r-rota, bil-mod il-mod, bdiet iddur. “Minn x’imkien trid tibda. Minn x’imkien trid tagħraf kif se terġa’ tibda tħaddem l-operat tiegħek.”

Mit-Tnejn li għadda l-Gvern ta l-awtorizzazzjoni biex għadd ta’ ħwienet ikunu jistgħu jerġgħu jifħu mill-ġdid wara li għamlu numru ta’ ġimgħat weqfin.

Dawn il-ħwienet u stabbilimenti kienu banek tal-lottu; stazzjonijiet tat-testijiet tal-VRT; ħwienet tal-ħwejjeġ u dawk sportivi; tal-ġojjellerija u aċċessorji oħrajn; ħwienet li jbigħu oġġetti tal-ġilda bħall-basktijiet u żraben; li jbigħu nuċċalijiet mingħajr riċetta tat-tabib; li jbigħu prodotti tas-sbuħija bħal fwejjaħ; ħwienet tal-ħjata u dekorazzjonijiet tad-djar; tas-souvenirs u discount stores; tal-bagalji u ġugarelli; tal-passatempi; tal-għamara; u ħwienet tal-fjuri.

Fl-awtorizzazzjoni tal-Gvern biex dawn in-negozji jifħu mill-ġdid, ingħad bl-aktar mod ċar li l-ftuħ hu marbut b’direttivi ta’ prekawzjonijiet mill-awtorità tas-saħħa, fosthom li min jidħol f’dawn l-istabbiliment hu obbligat li jilbes il-maskra.

Dwar dan, Abigail Mamo fissret li filwaqt li dawn huma direttivi tajbin għaliex ixekklu l-imxja tal-COVID-19, mill-banda l-oħra l-aħbar tal-ftuħ mill-ġdid ta’ numru ta’ ħwienet ġiet bla mistennija u dak li jkun ma setax jipprepara għaliha.

Proprju din tal-maski hi waħda milli ħolqot il-problemi u hu għalhekk li għandu jkun hemm aktar konsultazzjonijiet u tħejjijiet biex ħadd ma jinqabad fuq sieq waħda.

“Bla dubju ta’ xejn li f’din l-ewwel ġimgħa rajna tnaqqis kbir fin-negozju meta paragunat man-negozju li kien jiġri qabel. Għadna ma nafux ir-raġuni preċiża għal dan it-tnaqqis kbir fil-bejgħ. Li hu fiċ-ċert hu li din is-sena mhux se jkollna ekonomija li tkompli tikber kif kienet qed tagħmel sal-aħħar ftit xhur qabel ma’ feġġet il-pandemija,” qalet Abigail Mamo.

Hi kompliet li hemm negozji li naqqsu lill-ħaddiema u issa minkejja li l-operat reġa’ fetaħ, dawn il-ħaddiema xorta waħda ma ssejħux lura għax-xogħol. “Hawn ħafna inċertezza u s-sidien tal-ħwienet u l-istabbilimenti ma tagħtihom l-ebda tort li huma wkoll ikunu nkwetati b’dak li qed jesperjenzaw.

Abigail Mamo fissret li minn naħa tal-Kamra tal-SME’s qed tkompli tenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha fin-negozju josservaw ir-regolamenti li qed jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa u jidher fil-fatt li ftit ħafna huma dawk li jippruvaw ma jobdux dawn ir-regolamenti. Fil-parti l-kbira, anki jekk il-ftuħ tal-ħwienet sar mingħajr ma ngħata żmien ta’ preparazzjoni, kulħadd qed jikkollabora u jifhem kemm hu importanti li kulħadd jiġbed ħabel wieħed biex l-affarijiet jirritornaw għan-normal illum qabel għada.

Abigail Mamo kompliet li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju hemm diversi fatturi oħrajn li wieħed ma jridx jinsa… fosthom iż-żamma tad-distanza li baqgħet fis-seħħ u f’kull entratura hemm sanitisers biex kull min jidħol fil-ħwienet u fl-istabbilimenti jnaddaf idejh.

Quddiem għadd ta’ stabbilimenti qed isiru testijiet għat-temperatura fl-entratura tas-shopping malls, filwaqt li l-kmamar li jintużaw biex wieħed jipprova l-ħwejjeġ mhux ser ikunu disponibbli.

Hi ddeskriviet bħala pożittiva wkoll l-aħbar li mit-Tnejn li għadda l-pubbliku jista’ jerġa’ jivvjaġġa minn u lejn Għawdex, u għalhekk għal kull vjaġġ, il-vapur se jaċċetta inqas passiġġieri mis-soltu.

Mistoqsija x’inhi r-raġuni għaliex il-bejgħ hu rapportat li naqas ħafna, Abigail Mamo qalet li għadu kmieni biex wieħed jgħid b’mod preċiż ir-raġuni għal dan, iżda hu minnu li ħafna mill-konsumaturi qed joqogħdu lura fix-xiri li jagħmlu.

“In-nies bħal donnhom li qed jibżgħu għall-flus għaliex ma jafux x’jista’ jinqala’. Li hu fiċ-ċert hu li ħafna familji qed jispiċċaw bi dħul ferm inqas milli kellhom qabel. Hemm għadd ta’ fatturi li jridu jkunu studjati… iżda iva tinħass sew in-nuqqas ta’ attività ta’ bejgħ u l-volum ta’ bejgħ illum hu ferm inqas milli kien sa ftit tax-xhur ilu.”

Hi qalet li dak li se jkun qiegħed jiġri fil-ġimagħtejn li ġejjin hu importanti ħafna u se jkun qed jagħti indikazzjoni dwar l-attività ekonomija fil-pajjiż fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Għalkemm l-element ta’ inċertezza qed jinħass sew, mill-banda l-oħra hemm rieda qawwija li n-negozji jirpiljaw u jirritornaw għall-attività ta’ qabel il-COVID-19.