Internazzjonali

Il-Libja…Jiżdiedu l-vittmi ċivili fi Tripli wara attakk fuq ajruport

Il-konflitt fil-Libja kompla jissarraf fil-vittmi ċivili wara li l-Armata Libjana tal-Lvant, taħt it-tmexxija ta’ Khalifa Haftar, sparat il-missili lejn l-ajruport militari ta’ Mitiga, fl-inħawi ta’ Tripli.

Il-missili laqtu numru ta’ tankijiet tal-fuel waqt li numru ta’ ajruplani fl-ajruport ġarrbu l-ħsarat fil-bumbardament.

Wara l-attakk, il-kelliema mal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali li qed jiddefendi Tripli mill-offensiva ta’ Haftar qalu li nqatlu talanqas erba’ ċivili, inkluża tifla ta’ ħames snin. Il-vittmi rriżultaw minn missili li laqtu l-madwar tal-ajruport bil-kelliema tal-Gvern jakkużaw lil Haftar għat-telf ta’ ħajja filwaqt li kkundannawh bħala kriminali tal-gwerra.

Fl-attakk intlaqtu numru ta’ zoni residenzjali fiċ-ċentru ta’ Tripli, fost rapporti li sfaw midruba numru ta’ residenti ċivili qalb id-distretti lejn in-nofsinar tal-kapitali.