Il-Partit Nazzjonalista matul dawn is-sentejn li għaddew kien kontinwament fuq quddiem nett jixpruna lill-Gvern pemezz ta’ għadd kbir ta’ proposti li l-iskop preċiż tagħhom hu li jtejbu l-kwalità tal-Maltin u l-Għawdxin, filwaqt li jħarsu wkoll l-interessi ġenerali ta’ pajjiżna.
Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma mifruxa prattikament għal kull settur u qasam fil-pajjiż… mill-istudenti, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni… għall-anzjani, il-vulnerabbli, il-pazjenti u s-saħħa; mill-ħaddiema, ix-xogħol u l-ekonomija… għall-bżonnijiet tal-familji, it-traħħis tal-prezzijiet tal-aktar oġġetti essenzjali, in-negozju u l-ekonomija; mill-investimenti, it-tnissil lura tal-fiduċja f’pajjiżna, l-operat tan-negozji ż-żgħar… għall-ħidmiet mill-kumpaniji l-kbar.
Il-PN jemmen li l-uniku riżorsa veru ta’ pajjiżna hi l-ħaddiem Malti u Għawdxi u għalhekk kontinwament ressaq proposti biex iġib ’il quddiem l-interessi vera tal-ħaddiema u tal-familji… il-Partit Nazzjonalista jrid li ħadd ma jaqa’ lura u jispiċċa fil-faxxa tal-faqar.
Anki fil-kriżi attwali COVID-19, il-Partit Nazzjonalista kien protagonist b’għadd ta’ proposti maħsuba biex jgħinu lil pajjiżna mhux biss jiġġieled il-mixja ta’ dan il-virus, iżda li jgħin lill-ħaddiema, lill-familji u lill-pajjiż f’dawn il-mument diffiċli.



