Lokali

Inċertezzi fis-suq tal-propjetà

F’suq tal-kostruzzjoni mimli b’inċertezzi mill-aktar serji wara l-iżviluppi reċenti tal-COVID-19, jidher li issa s-sitwazzjoni se tkompli taggrava b’miżuri ta’ prekawzjoni li banek f’Malta qed jieħdu fir-rigward ta’ self lil koppji.

Sorsi infurmati qalu lil il-mument li fil-jiem li għaddew il-kriżi tal-Air Malta, fejn il-ħaddiema qed jieħdu pagi mnaqqsa jew għandhom id-dħul tagħhom mhedded, kienu msejħa mill-bank tagħhom li rtiralhom is-sanction letter abbinata ma’ self dwar xiri ta’ propjetà. Żewġ banek ewlenin, li fil-verità qed isalvaw lil tant koppji li llum għandhom xi tip ta’ dħul, iżda bl-affarijiet kif qed jiżviluppaw fil-futur qrib se jispiċċaw jew litteralment bla dħul jew inkella bi dħul ferm inqas milli għandhom fil-preżent.

Dan hu ta’ nkwiet serju għal bosta koppji li kienu qed jippjanaw ix-xiri ta’ xi tip ta’ propjetà. Bl-iżviluppi nkwetanti fl-Air Malta li diġà keċċiet lill-part-timers u issa trid li ddur ukoll għall-full-timers, tnejn mill-banek ewlenin ħasbu li jintervjenu fil-konfront ta’ koppji li għandhom id-dħul tagħhom ibbażat mix-xogħol fl-Air Malta.

Sorsi qrib l-istess banek li tkellmu ma’ il-mument qalulna li hawn kriżi u inċertezzi serji ħafna f’dan is-settur tal-propjetà bħalissa, anki invista tal-fatt li hawn għadd ta’ żgħażagħ li spiċċaw bla dħul jew bi dħul ferm inqas għaliex fejn kienu jaħdmu – fosthom f’negozji fis-settur tat-turiżmu – spiċċa magħluq u allura għadhom quddiemhom futur inċert.