Lokali

Jammetti li Joseph Muscat daħħal lil pajjiżna fi kriżi

Robert Abela xorta waħda se jibqa' jieħu l-pariri ta' Joseph Muscat

Wara li NET NEWS nhar it-Tnejn kixef il-laqgħa li kellu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja ma’ Robert Abela, esponenti fil-Lejber qed ipoġġu dubji serji dwar ir-raguni vera għaliex il-Prim Ministru ħass li kellu jsejjaħ lil Muscat biex itih il-pariri.

Kienu ħafna dawk li staqsew kif u għalfejn il-Prim Ministru tal-lum qed jieħu pariri mill-Prim Ministru li daħħal lil Malta fi kriżi istituzzjonaliżata. Iżda illum, waqt intervista fuq l-istazzjon Laburista, kien Robert Abela nnifsu li ammetta dan fejn għal numru ta’ drabi saħaq li wara Joseph Muscat Malta kellha kriżi politka kbira.

U biex jipprova jtaffi mid-daqqa kbira li ħadet il-kredibbilta’ tiegħu din il-ġimgħa, Robert Abela pjana mistoqsija mill-ġurnalisti tiegħu stess sabiex ikollu l-opportunita’ jagħmel din l-istqarrija: “id-decizjoni finali dejjem kienet tieghi.”

Minkejja dak li ntqal mill-Prim Ministru, ir-realtà hi li Abela kellu jirrikorri għal Muscat biex jiddireġih – il-politiku li f’Diċembru kien kundannat bħala “il-Personalità tas-Sena għall-Korruzzjoni”.

U f’mument fejn kulħadd qed jappella għall-għaqda nazzjonali, Robert Abela reġa’ infexx f’attakk dirett fuq il-Partit Nazzjonalista u fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Iżda lil hinn mill-battuti politici, Robert Abela naqas milli jindirizza r-rapport iebes tal-Kummissarju tal-Istandards illi ta ċanfira qawwija lill-Gvern Laburista; rapport rigward infieq ħazin ta’ flus il-poplu, illi l-Prim Ministru ma tax risposti dwaru.

Intant, waqt din l-intervista, Robert Abela prova jieħu l-mertu hu għas-suċċessi mediċi li qed ikollna fil-ġlieda kontra l-COVID-19, kliem li skont is-sorsi tagħna fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, urtaw mhux ftit lin-nies ta’ Chris Fearne.

Robert Abela kompla billi qal li issa li skont hu resqin lejn in-normalità, il-Gvern ma jistax ikun iebes iżżejjed malli jibda jtaffi l-miżuri.