Lokali

Jum l-Omm – imħabba li ma tmut qatt

L-Omm…. dik li għandha l-ħila tieħu post kulħadd, imma ħadd m’għandu l-ħila joħdilha postha. L-Omm…dik li tissogra ħajjitha sabiex tagħti l-ħajja lil uliedha.

L-Omm hija wkoll dik il-mara li qatt ma welldet imma rabbiet xorta.

L-Omm hi dik il-persuna li tħobb mingħajr ebda kundizzjoni….dik in-nanna li dejjem issibha hemm għal ulied uliedha.

It-tieni Ħadd ta’ Mejju huwa l-jum li fih f’pajjiżna nfakkru l-ommijiet kollha – inkluż dawk li sfortunatament ħallewna. F’dan il-jum, mhux biss niċċelebraw ir-rwol matern tal-omm fil-familja iżda wkoll il-kontribut kbir li l-ommijiet jagħtu bis-sehem tagħhom fis-soċjetà.

L-ewwel darba li Jum l-Omm kien iċċelebrat f’pajjiżna, kien fis-sena 1961, proprju waqt programm tat-tfal fuq ir-radju, immexxi minn Frans Said, li mbagħad wassal biex din it-tradizzjoni bdiet titfakkar kull sena f’Malta wkoll.

Fil-messaġġ tagħha għal Jum l-Omm, mart il-President tar-Repubblika … Miriam Vella, wasslet messaġġ ta’ tama u kuraġġ lill-vittmi li jinsabu għaddejjin minn vjolenza domestika. Hija appellat biex dawn il-persuni ma jibżgħux jitkellmu u jfittxu s-sostenn tal-entitajiet konċernati. M’hemm xejn agħar milli wieħed ma jħossux sigur fid-dar tiegħu stess, għalhekkk huwa importanti li dawn ifittxu l-għajnuna qabel ma jkun tard wisq.

Din is-sena, Jum l-Omm kien wieħed kemmxejn differenti mis-soltu, fejn minħabba l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu biex jitnaqqas it-tixrid tal-coronavirus, il-familji ma setgħux jiltaqgħu għall-ikla tradizzjonali ta’ nofsinhar.