“L-Omm hija s-sinsla tas-soċjetà tagħna”. Sentiment komuni fost il-kelliema li għamlu l-intervent tagħhom waqt diskussjoni li organizza l-Partit Nazzjonalista f’Jum l-Omm
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech stqarr li l-PN huwa l-Partit favur il-ħajja ta’ kulħadd, inkluż tat-tarbija fil-ġuf. Dan il-jum ifakkar mhux biss lill-omm imma kif il-bniedem għandu jkun iċ-ċentru tal-ħajja, fejn l-omm hija ċentru tal-familja u l-komunitajiet tagħna. Zammit Dimech fakkar kif il-Kap tal-PN Adrian Delia talab biex fil-Parlament Malti jkun hemm sala ddedikata lill-ġurnalista omm Daphne Caruana Galizia. Dan l-assassinju ma kienx biss qtil fuq ġurnalista imma qtil anki fuq omm.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight stqarret li llum il-ġurnata l-omm tokkupa l-irwol ta’ ħaddiema, fejn għalhekk l-irwol tagħha fis-soċjetà huwa wieħed ferm importanti. Roselyn Borg Knight kompliet tistqarr kif fost id-diversi sfidi li qed jaffacjaw l-ommijiet f’dan iż-żmien tal-pandemija, huma l-fatt li l-ommijiet iridu jaħdmu mid-dar filwaqt li jieħdu ħsieb lil uliedhom. Hija temmet id-diskors tagħha billi appellat lill-Gvern sabiex qabel jittieħdu d-deċizjonijiet li jaffettwaw lill-ommijiet, l-istess gvern għandu jilbes il-kappell tal-Omm.
Fl-internvent tiegħu, il-President tal-APAN, it-tabib Mario Rizzo Naudi stqarr kif l-anzjani li huma ommijiet u nanniet qed jagħmlu minn kollox biex jibqgħu jagħtu sostenn lill-familja tagħhom. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza li għandna nagħtu lis-saħħa mentali minħabba l-piżijiet li qed iġġib magħha l-ħajja tal-lum.
Il-Minority Leader għal-lokalità tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit tkellmet dwar id-diversi ommijiet li nsibu madwarna, fosthom dawk li tilfu tarbija, dawk li addottaw, dawk li qed isibuha difficli sabiex isiru ommijiet u anke dawk in-nanniet li jieħdu ħsieb ulied uliedhom. Hija tkellmet ukoll dwar kif il-Partit Nazzjonalista qabel mal-prinċipju li jiżdiedu n-nisa fil-Parlament, mument storiku u pass soċjali li ser iħalli ġid kbir.
Kelliema oħra f’din l-attività kienet il-Viċi Sindku fil-lokalità ta’ Tas-Sliema Graziella Attard Previ. Hija stqarret kif il-ħajja tinbidel mill-mument li persuna ssir omm. Tkellmet ukoll dwar kif għandu jkun hemm akatar għarfien li llum is-soċjeta evolviet f’diversi forom ta’ familji fejn bażikament il-mara xorta baqgħat is-sinsla ta’ kull familja.
//= $special ?>