L-Unjoni Ewropea tinsab ixukkjata u diżappuntata bl-irtirar ta’ Malta mill-missjoni navali ‘Irini’. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell – flimkien mal-Gvernijiet tal-Italja, l-Olanda u l-Lussemburgu – esprimew diżappunt għad-deċiżjoni ta’ Malta biex tirtira minn Operation Irini, li hi l-missjoni navali tal-UE inkarigata bl-infurzar tal-embargo tal-armi għal-Libja.
Ir-rappreżentanti tal-Istati msieħba fil-Grupp Politiku-Militari tal-UE qegħdin janalizzaw is-sitwazzjoni, bi Franza tinsisti li ssir taf ‘f’liema livell politiku ittieħdet id-deċiżjoni ta’ Malta u għal liema raġuni’. Intant, jidher li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel u l-President Franċiż, Emmanuel Macron, ma kuntattjawx lill-Prim Ministru Malti Robert Abela biex jiddiskutu ċ-ċirkustanzi.
Operation Irini ilha għaddejja biss ftit xhur iżda Malta, din il-ġimgħa, ħabbret li qed tirtira l-parteċipazzjoni tal-qawwiet armati tagħha. Il-pass jitqies ‘bħala mossa biex Malta togħġob lit-Turkija’, li qed twassal l-armi lill-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali fi Tripli, li jgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.
Intant, id-deċiżjoni ta’ Malta biex teżerċita l-veto għall-fondi mill-UE għal Operation Irini xukkjat lil ħafna pajjiżi, meta l-missjoni navali tibqa’importanti għall-interessi tal-Franċiżi fil-libja.
Ta tħassib partikulari huma l-indikazzjonijiet li Malta għaddejja bil-kuntatti kontroversjali mal-Gvern tat-Turkija, li hu l-akbar alleat tal-Gvern Libjan fi Tripli u li qed jissupplixxi l-armi lill-qawwiet tal-Prim Ministru Sarraj.
Id-deċiżjoni bla preċedent ta’ Malta biex tirtira minn Operation Irini dehret bħala ‘parti minn politika biex timxi għal għajn it-Torok’.
//= $special ?>