Lokali

Nieħdu l-eżempju tal-omm biex nibnu soċjetà li verament jimpurtaha

“Irridu nitgħallmu mill-ommijiet sabiex verament inwasslu l-politika tas-sens tad-dover, li naqdu, tas-sagrifiċċju u li nagħtu lil ħaddieħor mingħajr ma naħsbu fina nfusna. Irridu nuru bl-għemil li qegħdin nagħmlu u nwasslu politika li jimpurtaha u bla dubju l-ikbar eżempji ta’ dan kollu hija l-omm.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. 

Adrian Delia qal li jekk nieħdu l-eżempju mill-ommijiet, li nagħtu lura lis-soċjetà u l-pajjiż, mingħajr ma naħsbu fina nsfusna nkunu qegħdin nagħmlu politika ħafna aħjar u politika li sservi. Huwa qal li l-omm hija l-figura ċentrali u parti intrinsika tat-tessut tas-soċjetà tagħna u li fl-iżjed mumenti diffiċli u ta’ sfida żżomm is-saħħa morali fil-familji tagħna. Huwa qal li għalhekk għandna bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-Parlament, li jiddeċiedu u li jilleġislaw għax in-nisa u ommijiet jagħtu kontribut u d-dimensjoni li jibbenefikaw minnhom is-soċjetà u l-komunitajiet tagħna. 

Adrian Delia qal li l-PN jġib lill-persuna fiċ-ċentru tal-politika, mhux politika tan-numri iżda politika li tagħmel id-differenza fil-ħajja tal-persuna u bħall-omm naraw li uliedna jkollhom l-edukazzjoni u l-għodod biex jikkontribwixxu bl-iktar mod sħiħ f’soċjetà li jimpurtaha. Dan biex bħall-omm, li tpoġġi quddiemnett l-interess ta’ uliedha mingħajr ma tistenna xejn lura, nagħmlu trasformazzjoni vera fil-politika Maltija. 

Il-Kap tal-PN qal li din is-sena dan il-jum iddedikat lill-ommijiet qed jiġi ċċelebrat fiż-żmien tal-pandemija u meta jeħtieġ li kulħadd jobdi d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, iżda bla dubju li l-ommijiet jifhmu dan is-sens ta’ dover lejn xulxin. Adrian Delia rringrazzja lill-ommijiet li qed jagħtu l-kontribut tagħhom b’ħidmiethom fil-ġlieda kontra l-COVID-19, lejn is-sigurtà ta’ pajjiżna, li qegħdin jirriskjaw ħajjithom fil-qadi ta’ dmirijiethom, ommijiet li jsofru fil-kwiet u oħrajn li jaraw lil uliedhom ibatu, ommijiet li uliedhom huma fil-politika u li sfortunatament jispiċċaw fil-mira ta’ attakki kultant personali, ommijiet li għamlu deċiżjonijiet favur il-ħajja u li s-soċjetà mhix qed tagħtihom l-appoġġ u ommijiet li m’għadhomx magħna.