It-tensjoni bejn it-tmexxija tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, li qed tirrappreżenta l-interessi tal-Gvern Laburista, u l-ħaddiema – prinċipalment il-piloti u l-membri tal-ekwipaġġ – kompliet tikber matul il-jiem li għaddew hekk kif ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-partijiet.
Filwaqt li l-Gvern qiegħed ikompli jwebbes rasu fuq linji ta’ tnaqqis ta’ ħaddiema, il-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru qed joffru numru ta’ metodi ta’ kompromessi biex tkun salvata l-Air Malta u ma jkunx hemm tkeċċijiet ta’ piloti, ta’ membri tal-ekwipaġġ u anqas ta’ ħaddiema oħrajn fi ħdan il-kumpanija.
It-taħditiet bejn il-partijiet dwar il-futur tal-kumpanija kellhom jingħalqu nhar il-Ġimgħa li għadda, iżda l-partijiet qablu li d-data tkun estiża b’ġimgħa oħra bl-iskop li jsiru negozjati kruċjali forsi tinstab it-tarf tal-kobba mħabbla li t-tmexxija tal-Air Malta rnexxielha taħmi f’tentattivi biex tnaqqas il-ħaddiema full-time minn fuq il-kotba tagħha wara li diġà keċċiet lill-part-timers li skadielhom il-kuntratt f’April li għadda.
Fost l-aħħar żviluppi tal-jiem li għaddew kien hemm dik tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) li rrikorriet għall-Qorti biex twaqqaf lit-tmexxija tal-Air Malta milli tissokta bil-pjan tagħha li tkeċċi għadd ġmielu ta’ piloti u membri tal-ekwipaġġ.
L-ALPA qed issostni fil-Qorti li l-Air Malta naqset milli tonora l-liġijiet dwar l-impjiegi, li jimponu negozjati obbligatorji qabel iseħħu s-sensji.
L-ALPA qalet li f’Jum il-Ħaddiem, jiġifieri ftit jiem biss qabel is-sensji ppjanati, l-Air Malta bagħtet lill-union proposti ġodda biex tbiddel it-termini tal-ftehim kollettiv.
L-ALPA fis-sottomissjoni tagħha lill-Qorti enfasizzat li, permezz ta’ din l-azzjoni, l-Air Malta wriet l-intenzjonijiet reali tagħha u pruvat taħtaf opportunità biex il-piloti jew jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol jew jiffaċċjaw il-konsegwenzi.
Sorsi infurmati li nhar il-Ġimgħa tkellmu ma’ il-mument qalu li l-Air Malta qed tisħaq li għandu jkun hemm it-terminazzjoni tal-impjieg ta’ għadd ta’ piloti u ta’ membri tal-ekwipaġġ mix-xogħol full-time tagħhom.
L-istess sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li dak li qed tagħmel l-Air Malta hu li tinqeda bil-kriżi COVID-19 biex iddaħħal fis-seħħ il-pjani sigriet tagħha.
Fil-ġimgħat li għaddew it-tmexxija tal-Air Malta temmet l-impjieg ta’ għadd ta’ ħaddiema meta skont il-proġettazzjonijiet għall-kumpanija, se jkollha bżonn ta’ aktar piloti u membri tal-ekwipaġġ hekk kif hu ppjanat li l-linja, fis-snin immedjati li ġejjin, mistennija li tkompli tikber.
Issegwi l-azzjoni fil-Qorti tal-ALPA, kien hemm ukoll l-azzjoni mill-Union tal-Cabin Crew li fi Protest Ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru u l-Ministru Silvio Schembri, argumentat li dawn baqgħu jaħarbu milli jitkellmu magħha meta tirrappreżenta l-parti l-kbira tal-membri tal-Cabine Crew.
//= $special ?>