Lokali

Tħabbret il-mewt ta’ Anthony J. Tabone – eks Chairman tal-Awtorità tax-Xandir

Matul il-ġurnata tal-Ħadd tħabbret il-mewt ta’ Anthony J. Tabone fl-età ta’ 76 sena.

Fil-passat Anthony okkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tax-Xandir u anke Chairman tal-bord tal-Public Broadcasting Services Ltd. (PBS)

Anthony jibqa’ mfakkar ukoll għas-suċċes li għamel fil-kumpanija Simonds Farsons Cisk fejn hemmek okkupa l-kariga ta’ uffiċjal għoli fit-tmexxija tal-kumpanija għal numru ta’ snin.

Tul is-snin kien attiv ħafna fil-parroċċa Kristu Re’ ta’ Raħal Ġdid fejn kien għadu qed jokkupa l-kariga ta’ chairman tal-grupp organizzativ taċ-ċelebrazzjonijiet li kellhom ifakkru t-twaqqif tal-bażilika. Hu kien ukoll President Onorarju tas-Soċjeta’ Filarmonika Gran Mastru Fra Antoine De Paule, Banda Kristu Re kif ukoll President Onorarju tas-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina ta’ Ħ’Attard.

Fost il-ħafna li sellmu l-memorja ta’ Anthony kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech li stqarr ma’ dan is-sit li Anthony kien xempju ta’ integrità, b’mod partikolari ikona fir-rigward tax-xandir politiku. “Huwa kien favur il-ġustizzja, l-imparzjalità u x-xandir responsabbli”, saħaq Zammit Dimech.

“Jalla l-eżempju tiegħu jiddi bħala xempju ta’ dawl għal dawk kollha li qed jaħdmu f’servizzi tax-xandir.” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-PN.