Coronavirus Futbol Sport

Żewġ plejers ta’ Dynamo Dresden b’każijiet ta’ Covid-19

Żewġ plejers tat-tim tal-Bundesliga 2 Dynamo Dresden instabu pożittivi għal coronavirus u poġġew ir-ritorn tal-kampjonat f’dubju. Dresden kienu skedati li jilagħbu kontra Hannover barra minn darhom fis-17 ta’ Mejju meta l-kampjonat ikompli wara xahrejn sospensjoni. Iżda b’din l-aħbar, l-iskwadra kollha u l-istaff tekniku jridu jmorru 14-il ġurnata kwarantina fi djarhom.

Id-Direttur Sportiv tal-klabb Ralf Minge qal li jinsabu f’kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa u l-kampjonat biex jikkordinaw il-passi li jmiss. Hu kkonferma li l-plejers għad ma għandhomx is-sintomi u ma jistgħux jitħarrġu jew jieħdu sehem f’xi logħbiet għal perjodu ta’ ġimagħtejn.

Il-Ħamis li għadda, id-Deutsche Fußball Liga qalet li l-istaġun se jkompli taħt protokoll mediku strett u l-logħbiet se jintlagħbu bil-bibien magħluqa. Il-plejers li ma kinux identifikati, nstabu pożittivi fit-tielet test li sar fil-klabb. L-ogħla żewġ diviżjonijiet fil-Ġermanja huma mistennija li jirritornaw fis-16 ta’ Mejju.