11 TA’ MEJJU 2003
Għalkemm kienet il-ġurnata li ċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat, l-aħħar logħba tal-kampjonat għal Sliema Wanderers ma kinitx passiġġata. Draw ta’ 0-0 kontra Birkirkara, tim li tul il-logħba kkonferma l-kwalità tiegħu li jisfida għar-rebħ tal-kampjonat. Dan kien l-24 kampjonat l-ewwel wieħed għal Sliema wara seba’ snin. Il-logħba kellha wkoll attenzjoni speċjali għal min se jispiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat. Sliema bdew jaħdmu għal Danilo Doncic u Birkirkara għal Michael Galea. Iżda ż-żewġ difiżi kienu attenti u rażżnu lill-attakkanti biex flimkien ma’ Adrian Mifsud ta’ Hibernians, spiċċaw it-tlieta bi 18-il gowl.

Fost l-aħjar okkażjonijiet tal-logħba, Sliema għal ftit ma fetħux l-iskor fit-tieni taqsima bi kross ta’ Doncic lejn Orosco Anonam, bid-daqqa ta’ ras tiegħu dehret destinata għal ġewwa, iżda William Camenzuli salva gowl ċert meta tajjar il-ballun qabel qabeż il-linja. Il-gowlkiper ta’ Sliema Jason Cordina kien fl-azzjoni għal ħafna ħin iżda kien attent biex salva tentattivi ta’ Michael Galea, Luke Dimech u Lucian Dronca. Lejn it-tmiem Matthew Calascione falla ċans tad-deheb meta ħabbat il-ballun mal-ġenb tax-xibka.

It-tisfira finali tar-referee Adrian Casha wasslet biex il-plejers, uffiċjali u l-aktar folla Slimiża f’dawk is-snin jifirħu f’ewforija ta’ festa u kant. Fuq in-naħa l-oħra l-Karkariżi ma aċċettawx it-tislima b’applaws tal-President ta’ Sliema Robert Arrigo. Imbagħad kien imiss lill-President tal-MFA Joe Mifsud biex jagħti t-trofew lill-captain Slimiż Noel Turner.
