Futbol Sport

29 SENA ILU: Valletta jirbħu l-FA Trophy b’gowl fil-ħin barrani ta’ Kris Laferla

(Ritratt: In-Nazzjon)

11 TA’ MEJJU 1991

Gowl lejn it-tmiem tal-captain Kris Laferla rebbaħ l-FA Trophy lil Valletta għas-sitt darba. Fil-finali għelbu lil Sliema Wanderers 2-1 wara l-ħin barrani, f’dik li kienet l-ewwel finali bejn iż-żewġ timijiet mill-1964. F’dik li kienet l-akbar attendenza tal-istaġun f’Ta’ Qali, il-logħba ma ddiżappuntatx lil dawk li kienu preżenti. It-tim ta’ Lawrence Borg mar qrib il-gowl fis-56 minuta b’xutt tal-iżmarkat Hubert Suda li għeleb lil Cini iżda l-ballun stampa mal-wieqfa. Ftit wara, Reggie Cini kien strumentali meta salva tentattivi ta’ Grech u Gregory.

Il-logħba kompliet fil-ħin barrani, b’Sliema jkomplu l-logħba b’raġel anqas wara li r-referee Charles Agius wera t-tieni karta safra lil Edmond Zammit għal fawl fuq Jesmond Zerafa. Sliema marru fil-vantaġġ żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani. Ir-referee Agius ordna penalty fost protesti mill-Beltin wara li l-ballun deher jolqot id Joe Camilleri minn azzjoni ta’ Roger Walker.

HUBERT SUDA għeleb lil Reggie Cini mill-penalty. Ma’ dan il-gowl inqalgħu xi inċidenti mill-partitarji ta’ Valletta, bil-pulizija u l-kavallerija tidħol fl-azzjoni. Valletta ġabu d-draw fil-109 minuta meta Bobby Giorev qassam lejn JOE CAMILLERI li fost diversi plejers skorja fil-baxx. Il-logħba dehret destinata għal replay iżda l-captain KRIS LAFERLA kellu ħsibijiet. Hu nkariga ruħu minn free-kick u b’xutt potenti għeleb għal kollox lil Ernest Barry. Wara l-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Valletta Kris Laferla.