Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ mutur jitlef ħajtu fi Triq il-Kosta

Filmati ta’ Joe Francalanza

Inċident ikrah ħalla lil Frank Aloisio, Misidjan ta’ 51 sena u sewwieq ta’ mutur, bla ħajja fi Triq il-Kosta. L-inċident seħħ għall-ħabta 6.15pm.

Jidher li r-raġel, li kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar, tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu, tat-tip Honda u nbeżaq minn fuqu.

Ir-raġel kellu impatt mal-barriers fil-ġenb tat-triq, filwaqt li l-mutur baqa’ għaddej waħdu għal madwar 450 metru.

Fil-post issejjaħ tim mediku biex jagħtih l-ewwel għajnuna. Madankollu, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fil-post mit-Tabib tal-Emerġenza.

Dwar l-inċident infetħet Inkjesta mill-Maġistrat tal-għassa Nadine Lia, li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Dan kien it-tieni inċident fatali f’erbat ijiem wara li l-Ħamis, żagħzugħa ta’ 19-il sena tilfet ħajjitha f’inċident bil-vettura tax-xogħol.