NDSF b’għotja ta’ fondi għal Caritas Community Centre u wkoll tisħiħ fil-faċilitajiet Residenzjali
Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF) approva għotja ta’ €1,540,000. €1,000,000 bħala kofinanzjament għat-tkomplija taċ-Ċentru tal-Komunità ta’ Caritas, ċentru ġdid u modern fil-Blata l-Bajda u €540,000 għall-irranġar u l-aġġornament tar-residenzi li joffru riabilitazzjoni mid-droga.
Matul il-51 sena li ilha mwaqqfa Caritas Malta, nediet bosta inizjattivi soċjali biex tassisti persuni bi problemi finanzjarji u soċjali, għajnuna lill-anzjani, persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali u dawk li huma dipendenti fuq sustanzi.
Kull sena tintervjeni direttament fil-ħajja ta’ madwar 2,000 individwu. Caritas hija wkoll impenjata fil-qasam tal-prevenzjoni, riċerka u promozzjoni u tikkoordina wkoll ix-xogħol ta’ appoġġ soċjali li jsir mill-parroċċi.
L-uffiċċju ġenerali ta’ Caritas Malta jinsab fil-Kurja tal-Arċisqof il-Furjana. F’dawn l-aħħar sentejn Caritas Malta ħadmet bis-sħiħ biex ikollha Ċentru għall-Komunità. Dan iċ-ċentru se jippermetti lill-Organizzazzjoni Volontarja tikkonsolida d-diversi servizzi tagħha u tirriloka kollox f’binja waħda; is-servizzi lejn il-klijenti kollha tagħha u l-uffiċċji amministrattivi fil-qalba u viċin il-komunità.

Din irrilokazzjoni ser tkun qed twassal għall-vantaġġi amministrattivi, vantaġġi għall-persuni li jagħmlu użu mis-servizz, titjib tas-servizzi, valur u aċċessibilità mill-aqwa. Il-konverġenza tas-servizzi kollha se jilqgħu u jadattaw għall-bżonnijiet tas-soċjetà tagħna.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta għaddiet din il-binja lill-Caritas fuq bażi ta’ subenfitewsi għal 65 sena. Kien jeħtieġ xogħol maġġuri ta’ kostruzzjoni biex il-binja tiġi trasformata f’ħames sulari li se jkollha kumditajiet bi spazju fejn isir il-counselling, seminars, gruppi ta’ sapport, attivitajiet fil-komunità, konferenzi, uffiċċji amministrattivi, sala b’diversi skopijiet u penthouse maħsuba bħala żona ta’ rilassament għall-benefiċjarji tagħha. Il-Fondi tal-NDSF jagħmluha possibbli biex il-proġett jitlesta. L-istess fondi flimkien ma’ fondi interni u fondi mis-settur privat servew bħala kofinanzjament ta’ dan il-proġett li attira wkoll fondi mill-ERDF.
L-NDSF qed tagħti wkoll is-somma ta’ €540,000 għall-aġġornament u t-tisbiħ ta’ diversi faċilitajiet residenzjali ta’ riabilitazzjoni tad-droga; Il-Komunità terapewtika talirġiel f’San Blas f’Ħaz-Żebbuġ; Il-Prison Inmates Programme f’Baħar iċ-Ċagħaq; Servizzi ta’ AfterCare f’Dar Charles Miceli fil-Mosta u reviżjoni tas-sistema tal-IT u software ta’ sistema fejn tinżamm data tax-xogħol.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, esprima l-apprezzament mill-qalb ta’ Caritas u stqarr, “NDSF kienu strumentali u fil-ħin biex il-ħolma taċ-Ċentru tal-Komunità ta’ Caritas issir realtà. Din kienet waħda mill-ħolm ta’ Monsinjur Victor Grech li Caritas tkompli taqdi individwi u familji fil-bżonn”.
