Il-kumpanija ntgħażlet mingħajr sejħa pubblika
Sal-lum, 11 ta’ Mejju, 2020 – il-Gvern Malti ħallas lill-kumpanija Captain Morgan €45,000 f’kirja tal-użu taż-żewġ bastimenti sabiex jospita lill-immigranti rregolari ‘il barra mill-kosta Maltija.
Dan ħareġ fil-Parlament wara li d-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru Byron Camilleri kemm flus ġew mħallsa s’issa, bil-Ministru jistqarr li qed titħallas kirja ta’ €3,000 kuljum.
Dan wara li f’temp ta’ ħdax-il jum, il-kumpanija ta’ Michael Zammit Tabona ġiet rikjesta tassisti lill-Gvern Malti mingħajr sejħa pubblika fil-kriżi tal-immigrazzjoni. L-ewwel intervent tal-Captain Morgan kien fit-30 ta’ April bl-immigranti jiġu salvati minn bejn sema u ilma u jitħallew fuq il-vapur privat 13-il mil nawtiku ‘il barra mill-kosta Maltija.
Dan filwaqt li fis-7 ta’ Mejju l-Gvern sejjaħ għall-intervent ta’ vapur ieħor. Għaldaqstant, wara 11-il jum minn vapur wieħed il-kumpanija ta’ Zammit Tabona s’issa daħlet f’kirjiet mill-Gvern €33,000 u mit-tieni vapur f’erbat ijiem laqħet €12,000.
