Lokali

“Għajta Waħda” – Kunċerti ta’ għaqda nazzjonali

Diversi artisti lokali ngħaqdu flimkien biex jipproduċu erba’ kunċerti virtwali bl-isem “Għajta Waħda”, bl-għan li jippromwovu u jħeġġu l-għaqda nazzjonali. Se jipparteċipaw uħud minn fost l-aqwa talent lokali b’ġeneri mużikali differenti, fosthom b’mużika popolari u produzzjonijiet klassiċi li jpaxxu l-widna.

Il-President tar-Repubblika, George Vella, faħħar din l-inizjattiva u sostna li l-mużika hi l-isbaħ lingwa li biha wieħed jista’ jikkomunika ma’ kulħadd, filwaqt li rringrazzja lill-entitajiet kollha konċernati li qed itellgħu dawn il-kunċerti.  Żied li filwaqt li n-nies se jitpaxxew bit-talent lokali, se jintalbu juru solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn.  It-talbiet tal-Malta Community Chest Fund Foundation dejjem jiżdiedu u għalhekk, appella biex in-nies ikunu ġenerużi.

Il-kuncerti “Għajta Waħda” qed jiġu ppreżentati lill-pubbliku taħt il-patronċinju tal-President George Vella u se jixxandru mill-Ħadd li ġej, fid-9 ta’ filgħaxija, fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom anke NET, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali.