Il-klabbs tal-Premier League qed jittamaw li jevitaw li jilagħbu l-kumplament tal-logħbiet fi grawnds newtrali. Il-Kap Eżekuttiv Richard Masters żvela li għall-ewwel darba l-klabbs iddiskutew x’jista’ jiġri jekk l-istaġun ma jitkomplix, għalkemm komplew jemmnu li jista’ jintemm.
Il-ġimgħa l-oħra, ntqal lill-klabbs li biex ikomplu l-istaġun iridu jilagħbu l-logħbiet bil-bibien magħluqa u fi stadiums newstrali biex inaqqsu r-riskju ta’ partitarji li jinġabru barra l-grawnd. Iżda l-idea ġiet irrifjutata minn xi klabbs fosthom Brighton u Watford.
Id-diskussjonijiet komplew bejn il-Premier League u l-Gvern dwar id-dettalji preċiżi kif il-kampjonat jista’ jitkompla, b’Masters jgħid li l-klabbs għadhom qed jittamaw li jsibu mod kif jilagħbu f’darhom u barra minn darhom b’mod normali.
Il-klabbs qablu wkoll li jħallu plejers li se jiskadilhom il-kuntratt fl-aħħar ta’ Ġunju biex jestendu l-ftehim sal-aħħar tal-istaġun. Jekk u meta l-Premier League jitkompla, se jispiċċa żgur wara l-aħħar ta’ Ġunju, data li normalment ikun ifisser it-tmiem ta’ kuntratt għal diversi plejers.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Premier League kompla li l-klabbs huma kommessi li jtemmu l-istaġun u ma ġewx konklużi xi ftehim fuq mudelli oħra ta’ tmiem ta’ kampjonat. Illum il-Gvern Ingliż mistenni li jippubblikka l-pjanijiet u l-linji gwida b’mod uffiċjali dwar kif se jirritorna l-isport. Il-Premier League, l-istess bħall-kumplament tal-kampjonati fl-Ewropa, irid jinforma lill-UEFA bil-ħsibijiet tagħhom sal-25 ta’ Mejju.
//= $special ?>