Coronavirus Lokali

It-tieni żieda f’jumejn: 7 każi ġodda fl-aħħar 24 siegħa

Għat-tieni jum konsekuttiv, kienet irreġistrata żieda fil-każi tal-Coronavirus f’pajjiżna. Dan hekk kif, fl-aħħar 24 siegħa, irriżultaw 7 persuni pożittivi għall-virus minn 778 swab test li saru. B’hekk, il-każi pożittivi issa telgħu għal 503 minn total ta’ 43,397 test.

Iċ-ċifri tħabbru waqt il-bulettin mediku tal-lum mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, li min-naħa l-oħra, ħabbret ukoll li fl-aħħar sigħat fieqet persuna waħda biss.

B’hekk, l-ammont tal-persuni li fiequ s’issa tela’ għal 434, bil-każi attivi wara li wieħed ineħħi wkoll lil dawk lil sfortunatament tilfu ħajjithom, issa hu ta’ 64.

Il-każi li rriżultaw illum huma:

  • Maltija ta’ 41 sena u bintha ta’ sentejn;
  • Tliet persuni oħra minn sala fl-Isptar Mater Dei: żewġ Health Care Workers nisa Maltin, ta’ 47 sena u ta’ 26 sena, u raġel ta’ 24 sena. L-aħħar tnejn ma kellhom l-ebda sintomi;
  • Maltija ta’ 41 sena, ukoll Health Care Worker, iżda impjegat fl-Isptar Karin Grech; u
  • Maltija ta’ 30 sena, li għamlet it-test għax il-partner tagħha kellu s-sintomi. Madankollu, il-partner irriżulta fin-negattiv.