Coronavirus Futbol Sport

It-timijiet tas-Serie A jistgħu jitħarrġu fi gruppi mit-18 ta’ Mejju

(Ritratt: EPA)

Il-Gvern Taljan ħabbar ilbieraħ li l-klabbs tas-Serie A se jitħallew jitħarrġu bi prudenza bħala tim mit-18 ta’ Mejju. Sa issa l-klabbs tħallew biss jitħarrġu fuq bażi individwali filwaqt li jirrispettaw id-distanzi soċjali, bil-plejers ħafna drabi jkollhom nofs pitch waħedhom.

Din id-deċiżjoni hi sinjal ieħor li l-kampjonat tas-Serie A se jitkompla x-xahar id-dieħel wara li ilu sospiż mid-9 ta’ Marzu. Il-Gvern qal li l-kumitat xjentifiku u tekniku għamel eżami fid-dettall tal-protokoll mediku li l-FIGC qed tippjana li timplimenta biex tassigura li t-taħriġ isir bl-akbar sigurtà.

Fi stqarrija konġunta, il-Ministru tas-Saħħa tal-Italja Roberto Speranza u l-Ministru tal-Isport Vincenzo Spadafora qalu li ordnaw xi bidliet iżda taw il-permess biex it-taħriġ jerġa’ jibda jsir fi gruppi. Il-Federazzjoni Taljana qalet li kull klabb għandu jifforma grupp ta’ plejers u staff tekniku li huma negattivi u jkunu f’iżolazzjoni simili għal kamp ta’ taħriġ. Dawn il-membri għandu jsirilhom it-test tal-coronavirus fis-96 siegħa qabel il-bidu tal-kamp ta’ taħriġ.