“Bosta studenti ma setgħux jibqgħu jibbilanċjaw bejn xogħol u studju”
Hekk kif pajjiżna qiegħed jikkumbatti l-imxija tal-COVID-19, il-familji u n-negozji Maltin qegħdin ta’ kuljum jerfgħu l-piż finanzjarju miġjub minn din il-kriżi.
Hekk sostna Team Start PN fejn fi stqarrija saħaq li n-nuqqas ta’ dħul, l-inċertezza ekonomika u l-għoli tal-ħajja qegħdin jaffettwaw lill-popolazzjoni kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.
“Fost dawn insibu wkoll żgħażagħ u studenti, li sabiex imantnu l-familja jipprovaw jibbilanċjaw bejn xogħol u studju. Dan permezz ta’ xogħol part-time. Madankollu, konsegwenza tal-COVID-19, ħafna minn dawn tilfu xogħolhom u sabu ruħhom b’introjtu ħafna iżgħar, dak tal-istipendju.”
Ġie spjegat li għal dawk li jridu jissapportjaw finanzjarjament lill-familja tagħhom, dan mhux vijabbli.
Finalment intqal kif fl-attentati tiegħu biex jgħin finanzjarjament lill-poplu waqt din il-kriżi, l-Gvern naqas milli jagħti serħan tal-moħħ lil 110,000 ħaddiem u l-familji tagħhom li sal-lum għadhom qegħdin jgħixu fl-inċertezza u bla garanzija dwar xogħolhom.
Fost dawn nsibu l-ħaddiema part-time, inkluż studenti, li ġew esklużi mill-għajnuna tal-gvern u għalhekk tħallew jilqgħu għall-mewġ waħedhom. Dan mhu ġust qatt, speċjalment f’kuntest ta’ gvern li jiftaħar li bena ekonomija b’saħħitha.
Għaldaqstant Team Start PN appella lil-gvern sabiex jistabbilixxi l-prezz massimu tal-affarijiet essenzjali u jwaqqaf dan l-abbuż li jkompli jitfa’ piż fuq min ma jiflahx aktar.
//= $special ?>

