Lokali Parlament

Jeħtieġ mekkaniżmu li jagħmel il-ġid għall-vulnerabbli li jridu jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-Liġi dwar il-Koabitazzjoni għandha tkun mekkaniżmu li jagħmel il-ġid għall-vulnerabbli li jridu jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom

Fil-parlament Carm Mifsud Bonnici qal li l-Liġi tal-Koabitazzjoni qed turi tibdil fuq liġi li diġa’ saret fuq settur li hu diffiċli li jitlob ħafna riflessjoni. Tliet snin ilu l-PN kien appella lill-gvern biex jirrifletti iktar fuq dak li kien se jsir.

Din hi liġi li għandha tgħin lill-persuni li qed jgħixu flimkien u għandha tkun strument biex tiffaċilità lil żewġ persuni koabitanti jistgħu jirregolaw ir-rapport ġuridiku bejniethom.

Is-soċjetà timxi ‘il quddiem ferm iktar minn hu maħsub u qed toħloq units ta’ kif wieħed jagħmel rabta ta’ mara u raġel jew persuni tal-istes sess. Hemm żewġ mudelli ta’ rabta li huma ż-żwieġ jew unjoni ċivili iżda għandu jkun hemm mekkaniżmu kif ir-rabtiet ta’ persuni li ma jridux jidħlu f’dawn it-tipi jkunu regolati.

Din hi liġi ta’ ordni pubbliku li tirregola l-aspett soċjali tal-bniedem, sostna d-deputat Nazzjonalista, li tkellem dwar is-soċjetà Maltija fil-kuntest tal-koabitazzjoni u dwar liema nies li l-aktar jistgħu jagħmlu użu minn din il-liġi.

L-Istat m’għandux jagħmel impożizzjoni fuq kif isiru l-koabitazzjoni għaliex il-pajjiż jinsab f’soċjetà li qed tinbidel għaliex iż-żwieġ llum m’għadx għandu r-rabta li kellu qabel.

Hawn ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li m’humiex interessati li jidħlu fiż-żwieġ iżda huma interessati li jidħlu f’rapport ma’ persuni oħra. Hawn ukoll numru ta’ nies separati li jgħixu flimkien u hawn ukoll persuni li m’humiex separati iżda jgħixu f’relazzjoni oħra. Din il-liġi ma tagħti ebda rimedju lil dawn in-nies u fiha hemm ħsibijiet ta’ konfużjoni.

Carm Mifsud Bonnici qal li ma jaqbilx li appena wieħed jagħmel kuntratt ta’ koabitazzjoni tidħol fis-seħħ il-komjunjomi ta’ akkwisti. Hu ppropona li n-nies jingħataw l-għażla dwar dan u sostna li n-nies għandhom ikunu jistgħu jagħmlu rabta b’att privat.

Hu tkellem dwar it-tfal li llum hu iktar komplikat minħabba li l-partijiet iġibu t-tfal li jkollhom minn rapporti oħra waqt li jista’ jkollhom tfal bejietnhom.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-kunċett tal-medjazzjoni u qal li l-liġi li qed iressaq il-gvern għandha tnaqqas il-burokrazija. Il-koabitazzjoni m’għandhiex tiġi bħaż-żwieġ, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li din il-liġi hu avvanz fit-triq lejn liġi li tkun aħjar. Il-PN kien ipprova jispjega li l-liġi ma kienitx qed issir kif kellha tkun.

Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar id-dipendenza tal-koppji u qal li anki l-pandemija ta’ bħalissa qed ikollha effetti minħabba li kien hemm deċiżjonijiet minn diversi persuni dwar ir-relazzjonijiet li jinsabu fihom.