Lokali

Kundanna għall-kummenti ta’ Michael Zammit Tabona

Il-kumment tal-eks Ambaxxatur Malti għall-Fillandja Michael Zammit Tabona, fil-konfront tal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, ġibed l-istmerrija ta’ ħafna, anke fuq il-media internazzjonali.

Fuq is-sit elettroniku tal-BBC, kien innutat ukoll kif Zammit Tabona kien għażla politika u mhux għax għandu karriera diplomatika. Fil-fatt, hu kien intagħżel fl-2014 mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Kemm ilu f’din il-kariga, hu kien involut f’diversi kontroversji, fosthom anke meta tella’ kummenti politiċi fuq Facebook, minkejja li l-kariga tiegħu titlob li jkun newtrali.

Anke l-istazzjon Ġermaniż Deutsche Welle irrapporta l-kumment ta’ Zammit Tabona, li qabbel lil Merkel ma’ Adolf Hitler meta qal li l-Kanċillier Ġermaniż wettqet il-ħolma tal-Mexxej Nazista. Ironikament, il-messaġġ ta’ Michael Zammit Tabona wasal fl-istess jum li d-dinja ċċelebrat ir-rebħa fuq in-Naziżmu bit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Id-Deutsche Welle kkwotat ukoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li qal li l-kumment ta’ Zammit Tabona mhux denju għal Ambaxxatur. Dan aktar u aktar meta l-Kanċillier Ġermaniż għenet lil pajjiżna f’diversi kwistjonijiet, filwaqt li ddeskriviha bħala sors ta’ stabbiltà għall-Ewropa.

Il-kumment ta’ Zammit Tabona kien irrappurtat ukoll minn diversi ġurnali oħrajn madwar l-Ewropa, fosthom fil-Fillandja, Franza, l-Iżlanda, l-Olanda, l-Awstrija, l-Iżvizzera u l-Iżvezja – minn France 24 għal RTL, kif ukoll dawk internazzjonali bħall-EU Observer, Politico, Al Jazeera u Reuters.

Pajjiżi oħrajn li tkażaw bi kliem l-eks Ambaxxatur Malti jinkludu l-Panama, il-Malażja u l-Ażerbajġan, it-Tajwan, l-Indoneżja, l-Indja u l-Arabja Sawdija.

Iżda minkejja l-ħsara li kumment bħal dan għamel fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġermanja, l-eks Ambaxxatur ma jidhirx li tkeċċa mill-kariga tiegħu jew intalab jirriżenja…. iżda kien hu stess li rriżenja minn rajh. Dan il-fatt kien ikkonfermat ukoll minn stqarija maħruġa mill-Gvern tard il-Ħadd filgħaxija, fejn ingħad li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo aċċetta r-riżenja ta’ Zammit Tabona.