Lokali Qorti

“L-Awtoritajiet Maltin fi dmir li jinvestigaw il-mossa tal-Avukat Mercieca” – Pieter Omtzigt

“In-nuqqas ta’ lealtà ta’ Mercieca ma jistax itappan il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia”

“L-aġir tal-Avukat Charles Mercieca jqajmu numru ta’ kiwstjonijiet etiċi li potenzjalment iwasslu għal responsabbilità kriminali”.

Hekk sostna l-Membru Parlamentari Ewropew Pieter Omtzigt f’ittra ppublikata fuq Twitter, indirizzata lill-Avukat Ġenerali Peter Grech b’reazzjoni għall-aħħar żvilupp fil-Qrati Maltin partikolarmanet fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li f’inqas minn 24 siegħa Charles Mercieca irrezenja minn prosekutur pubbliku fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ingħaqad mat-tim legali ta’ Yorgen Fenech, akkużat bil-kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista.

Omtzigt sostna li wara dan l-aġir wieħed bla ma jrid u leġittimament jistaqsi jekk Mercieca rrispettax il-kunfidenzjalità ta’ xogħolu waqt dan il-proċess. Huwa saħaq li kollox jindika li Fenech xtaqu mat-tim legali li qed jiddefendih l-għaliex kien jaħdem proprju fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Omtzigt saħaq li dawn is-suspetti qed jiġuh minħabba l-fatt li Mercieca għandu biss sentejn esperjenza u sostna li diffiċli wieħed jaħseb b’vantaġġi oħra li għandu Fenech, ‘bl-akkwist’ ta’ Mercieca.

Il-Membru Parlamentari Ewropew innota kif il-Ministru Edward Zammit Lewis aċċerta li Charles Mercieca qatt ma ħadem fuq il-każ ta’ Caruana Galizia, madanakollu Omtzigt saħaq li dan ma jfissirx li Mercieca ma setgħax kellu aċċess għall-informazzjoni, jew li ma kellux idea tal-istrateġija tal-prosekuzzjoni. Huwa saħaq li jsibha diffiċli li l-eks kollegi tiegħu ma kelmuhx dwar wieħed mill-akbar każijiet legali fl-istorja reċenti ta’ Malta.

Peter Omtzigt sostna li hija responsabilità tal-Awtoritajiet Maltin sabiex din il-mossa bla mistennija ta’ Mercieca tiġi investigata b’mod urġenti u effettiv. Huwa fakkar li lura fl-2014, fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa kien intqal li eks-prosekuturi ma jistgħux ikollhom impjieg sussegwenti li jpoġġi f’dubju l-integrità tas-servizz prosekutorjali. Dan ifisser li jekk l-Avukat Mercieca għandu l-iċken informazzjoni dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, huwa jaf jikkawża dannu irriversibbli għal prosekuzzjoni Maltija mhux biss fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, iżda ankè rigward is-suspettati l-oħra.

Il-Membru Parlamentari Ewropew saħaq li jekk l-Awtoritajiet Maltin iħallu n-nuqqas ta’ lealtà li wera l-Avukat Charles Mercieca ttappan dan il-każ ta’ importanza kbira – jkunu qed jagħmlu żball b’nuqqas ta’ kuxjenza u li qatt ma jkun jista’ jinħafer. Finalment Peter Omtzigt għamel 8 mistoqsijiet lill-Avukat Ġenerali Peter Grech fosthom jekk Mercieca kellux il-possibilità għal aċċess ta’ informazzjoni dwar il-każ tal-eżekuzzjoni tal-ġurnalista u jekk jikkunsidrax il-pożizzjoni ta’ Mercieca bħala tħeddida għall-uffiċċju tiegħu b’rabta mal-istess każ.