Lokali Parlament

L-infermiera huma s-sinsla ta’ kull sistema tas-saħħa

Mario Galea, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali

Mario Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista sellem lill-infermiera li jinsabu jikkumbatta l-COVID 19 u qal li l-Għaqda Dinjija Tas-Saħħa ssostni li l-infermiera huma s-sinsla ta’ kull sistema tas-saħħa.

Fl-Aġġornament Mario Galea tkellem dwar Jum l-Infermiera u qal li l-infermiera madwar d-dinja jinsabu fuq quddiem u qed imexxu l-ġlieda kontra l-COVID 19 billi jużaw il-kapaċitajiet tagħhom. L-infermiera huma s-sinsla ta’ kull sistema medika, sostna Mario Galea li kompla li l-università tgħaddi lill-gvern 120 infermier kull sena li wħud minnhom huma kwalifikati fl-ogħla livell.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-livell tal-infermiera Maltin u ta’ kwalità u huma mfittxija tant li jmorru jaħdmu f’pajjiżi Ewropej. L-infermiera huma l-aktar professjoni li jgħaddu ħin mal-pazjent waqt li fil-kura intensiva jkun hemm infermier ma’ kull pazjent.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fis-swali hemm sistema fejn kull filgħodu l-infermiera jkunu alokati sitt pazjenti; dan iwassal għal relazzjonijiet ferm viċin u tajbin mal-pazjenti.

Mario Galea rringrazzja lill-infermiera Maltin u Għawdxin li bħalissa jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-COVID 19 fejn kien hemm pazjenti li spiċċaw infettati minħabba l-kuntatti kontinwi li jkollhom mal-virus. Problema oħra li 13% tal-persuni infettati ma jkollhom sintomi tal-COV 19, sostna Mario Galea, li appella biex ma jkunx hemm tnaqqis fil-miżuri.

Hu qal li l-infermiera jinsabu mifruda mill-familji tagħhom biex ma jmorrux id-dar u jinfettaw lill-familja. Minkejja dan, l-infermiera jibqgħu jaqdu dmirhom, sostna Mario Galea, li qal li wara l-COVID 19 diversi infermiera se jkollhom bżonn assistenza minħabba l-esperjenza li għddew minnha.