Coronavirus Futbol Sport

L-isport professjonali fl-Ingilterra ma jistax jibda qabel l-1 ta’ Ġunju

(Ritratt: EPA)

Il-Gvern Ingliż ħabbar li l-isport professjonali fl-Ingilterra jista’ jerġa’ jibda bil-bibien magħluqa mill-1 ta’ Ġunju li ġej iżda hemm ċans li l-ispettaturi ma jkunu jistgħu jattendu sakemm jinstab vaċċin. Il-pjan tal-Gvern biex jibda joħroġ mil-lockdown tħabbar illum, b’kundizzjonijiet li ċertu attivitajiet jistgħu jerġgħu jibdew isiru.

It-tieni pass ta’ dan il-pjan li ma jistax jibda qabel l-1 ta’ Ġunju jippermetti avvenimenti kulturali u sportivi li jsiru bil-bibien magħluqa biex jiġi evitat ir-riskju kbir ta’ kuntatt soċjali. Dan kollu jkun possibbli jekk matul dan ix-xahar l-imxija tal-coronavirus tkun ikkontrollata, iżda l-istrateġija tal-Gvern Ingliż qed timmira biex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jippjanaw.

Fid-dokument maħruġ mill-Prim Ministru Boris Johnson, intqal li postijiet bħaċ-ċinema u ħwienet tax-xagħar se jkunu nklużi fit-tielet pass, mhux aktar kmieni mill-4 ta’ Lulju. Id-dokument iwissi wkoll dwar il-ftuħ ta’ postijiet bħal stadiums tal-isport li jkunu miftuħa biss skont it-tnaqqis fin-numru ta’ infezzjonijiet.