Lokali Qorti

“Ma nistgħux nirriskjaw” – Prof. Charmaine Gauci

Prof. Gauci tiddefendi d-deċiżjoni li jingħalqu l-Qrati

“Jekk il-każi pożittivi jiżdiedu u s-sitwazzjoni taħrabilna minn taħt idejna, is-Servizzi tas-Saħħa Maltin ma jkunux jistgħu jżommu l-kontroll. Dan ma nistgħux nirriskjawh”.

Dan saħqitu s-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, hekk kif it-Tnejn xehdet fil-Qorti wara li n-negozjant akkuzat b’komplicita fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, ressaq il-Qorti lill-Avukat tal-Istat u lill-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

Charmaine Gauci ddefendiet id-deċiżjoni li jingħalqu l-Qrati ta’ pajjiżna għajr għal każi urġenti. Hija saħqet li f’awla tal-Qorti d-distanzi soċjali żgur li ma jkunux jistgħu jiġu miżmuma u għaldaqstant bilfors f’dan il-każ kellhom jintlibsu l-maskri protettivi.

Dan kollu wara li Fenech sostna li skont hu nkissrulu d-drittijiet tiegħu għax ingħalqet il-Qorti minħabba l-pandemija fuq deċiżjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. U għaldaqstant kawża ta’ din il-miżura… l-kumpilazzjoni tiegħu ma komplietx tinstema fil-qorti.

Professur Gauci saħqet li d-dikkjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza kienet inevitabbli għaliex in-numru ta’ każi ta’ Coronavirus importati minn barra l-pajjiż wittew it-triq għal trażmissjoni lokali. Gauci insistiet li f’pajjiżna s’issa kellna biss 5 fatalitajiet propju għax ittieħdu miżuri bħal dawn u għaliex l-Awtoritajiet isalvagwardaw lill-vulnerabbli minnufih.

Il-Qrati Maltin ingħalqu ġimgħa wara l-ewwel każi rrapportati f’pajjiżna, bÇharmaine Gauci tisħaq li fit-tlett snin u tlett xhur kemm ilha f’din il-pożizzjoni din kienet l-ewwel darba li kellha tieħu deċiżjoni daqshekk drastika, deċiżjoni li s’issa s-Suprintendent għadha ma tafx meta ser tkun qed titreġġa lura.

Għall-ewwel darba għal Yorgen Fenech deher l-avukat Charles Mercieca – l-istess avukat li f’temp ta’ 24 siegħa rreżenja minn prosekutur pubbliku fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex ingħaqad mat-tim legali li qed jiddefendi lil Yorgen Fenech.

F’isem Fenech, Mercieca faħħar lil Charmaine Gauci…. madanakollu l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg saħqet li dan l-aġir tal-klijent tiegħu kien qed juri għal kollox il-kuntrarju.