Lokali

Mara ta’ 37 sena tittieħed l-isptar wara inċident fiż-Żejtun

Ritratt: Mill-Arkivji

Mara kellha tittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fiż-Żejtun.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.20pm, meta l-Pulizija ġiet infurmata li seħħet ħabta fi Triq Tal-Barrani u li kien hemm xi nies li kienu sofrew xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Mercedes, li kienet qed tinstaq minn raġel Taljan ta’ 24 sena u Toyota Vitz, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 37 sena residenti tas-Sliema.

Fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-mara l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hi ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.