Sport Sport Ieħor

Se nerġgħu naraw ġlieda bejn Evander Holyfield u Mike Tyson?

Id-dilettanti tal-boxing jistgħu jerġgħu jaraw ġlieda li qatt ma ħasbu li setgħu jerġgħu jaraw. Ftit jiem ilu fuq il-media soċjali, beda jdur filmat ta’ “Iron” Mike Tyson waqt taħriġ u kien insista li se jiġi fil-forma biex jiġġieled xi ġlidiet ta’ esebizzjoni għal karità. Wieħed mir-rivali tiegħu fi żmienu, Evander Holyfield apprezza l-messaġġ ta’ Tyson u ma’ Sky Sports ta ħjiel li jkun lest jiġġieled għal karità kontrih, f’dak li kieku jkun it-tielet konfront bejniethom. Hu qal jekk tkun xi ħaġa li taħdem għal kulħadd, tkun sitwazzjoni li jibbenefikaw minnha kollha.

(Ritratt: EPA)

Holyfield rebaħ iż-żewġ ġlidiet professjonali għat-titlu dinji tal-heavyweight kontra Tyson. Fl-1996 hu kien ħoloq sorpriża meta għeleb lir-rivali tiegħu fil-11-il rawnd. Sena wara, Tyson kien skwalifikat talli gidem biċċa mill-widna ta’ Holyfield, f’dak li hu deskritt bħala wieħed mill-mumenti kontroversjali fl-istorja tal-boxing.

Tyson li hu twil biss ħames piedi u għaxar pulzieri, sar l-iżgħar champion tal-heavyweight fl-1986 meta kellu biss 20 sena. Ftit wara, Holyfield sar l-ewwel champion tal-cruiserweight li tela’ diviżjoni u rebaħ fil-kategorija heavyweight ukoll. Holyfield li llum għandu 57 sena, japprezza l-fatt li Tyson għeleb lill-boxers il-kbar qablu. Fl-istess ħin hu emmen li hekk Tyson għamilha seta’ għamilha hu wkoll. Hu ddeskriva lil Tyson, li llum għandu 53 sena, bħala cobra għaliex minkejja li jdejh kienu qosra xorta kien jolqot lill-avversarji minkejja li kienu jitfgħu rashom lura.

Fil-preżent, it-titli tad-dinja fil-kategorija heavyweight jinsabu kollha fir-Renju Unit hekk kif Anthony Joshua għandu t-titli IBF, WBA u WBO filwaqt li Tyson Fury għandu t-titlu WBC. Holyfield jemmen li Fury hu l-aqwa boxer fil-preżent. “Il-boxing hu sport mentali – hu dwar min hu l-aktar b’saħħtu f’moħħu li għandu valur aktar mill-affarijiet fiżiċi. L-avversarji kienu jaħsbu li setgħu jirbħuli minħabba kif nidher. Ma’ Fury, ma jidhirx li jista’ jagħmilha iżda jibqa’ juri li jista’ jagħmilha,” qal Holyfield.