Futbol Sport

SEBA’ SNIN ILU: Jasal ir-raba’ kampjonat ta’ Birkirkara b’rebħa f’decider kontra Hibernians

(Ritratt: Joseph Galea)

11 TA’ MEJJU 2013

Birkirkara ġew inkurunati champions għar-raba’ darba meta rkupraw minn gowl minn taħt biex rebħu 3-1 kontra Hibernians f’decider quddiem 9,252 spettatur fl-Istadium Nazzjonali. Din il-logħba kellha tintlagħab wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw b’45 punt fi tmiem il-kampjonat. Din kienet l-ewwel decider għar-rebħ tal-kampjonat milgħuba fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. L-aħħar decider milgħuba għar-rebħ tal-kampjonat kienet lura fl-1972 meta dakinhar Sliema Wanderers għelbu lil Floriana.

(Ritratt: Joseph Galea)

Hibernians ngħataw penalty fit-32 minuta fost il-protesti ta’ Birkirkara meta r-referee Alan Mario Sant iġġudika li xutt djagonali ta’ Clayton Failla ħabat ma’ id Gareth Sciberras. CLAYTON FAILLA għeleb lil Justin Haber b’xutt b’saħħtu. Birkirkara ġabu d-draw fis-56 minuta meta Jean Pierre Mifsud Triganza tefa’ kross mix-xellug lejn l-iżmarkat EDWARD HERRERA li għeleb Mario Muscat.

(Ritratt: Joseph Galea)

L-Istripes marru fil-vantaġġ f’nofs it-tieni taqsima meta ngħataw free-kick b’NIKOLA VUKANAC jieħu vantaġġ minn ħarġa difettuża ta’ Mario Muscat u skorja b’daqqa ta’ ras. Birkirkara għalqu l-logħba fit-73 minuta b’gowl ta’ ZACH MUSCAT wara kross tajjeb ta’ Rowen Muscat fil-kaxxa. Fi tmiem il-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Birkirkara, bil-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Norman Darmanin Demajo jippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Birkirkara Gareth Sciberras.

(Ritratt: Joseph Galea)