Lokali

8 applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Kummissarju

Huma tmienja l-persuni li tefgħu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ogħla kariga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Skont is-sit Times of Malta, sal-ħin tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, sas-7pm tal-bieraħ, kienu tefgħu l-applikazzjoni tagħhom tmien applikanti, fosthom Mary Muscat u Herman Mula, it-tnejn li huma eks Uffiċjali tal-Pulizija u avukati, u l-ispettur tal-pulizija Frankie Sammut, flimkien ma’ l-Ispettur Sandro Camilleri. Tefgħet ukoll l-applikazzjoni tagħha l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.

Minbarra dawn, aktar persuni tefgħu l-applikazzjonijiet għal din il-kariga. L-istess sit qal li ma setax jikkonferma jekk waħda minn dawn l-applikazzjonijiet kinitx tal-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafà.

Żewġ ismijiet oħra li ssemmew kienu dawk tal-Ispetturi Robert Vella u Jonathan Ransley.

Diversi tentattivi minn Net News biex jikkonferma n-numru tal-applikazzjonijiet li ntefgħu u l-ismijiet tal-applikanti baqgħu sa issa mhux imwieġba mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.

Il-Kummissjoni issa trid tagħżel żewġ kandidati li eventwalment tgħaddi lill-Prim MInistru li jagħmel l-għażla finali.

L-applikant magħżul jieħu post Lawrence Cutajar li rriżenja aktar kmieni din is-sena.