Futbol Sport

27 SENA ILU: Malta tirbaħ kontra l-Estonja u tikseb l-ewwel rebħa fi grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja

12 TA’ MEJJU 1993

Konfront li żgur li se jibqa’ jissemma fl-istorja tat-tim nazzjonali hu dak ta’ 27 sena ilu. Fil-Kadiorg Stadium, Malta rebħet 1-0 kontra l-Estonja, liema rebħa kienet l-ewwel waħda fl-istorja tat-tim nazzjonali waqt logħba minn grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Fl-ewwel 45 minuta, it-tim Malti prattikament iddomina b’wirja tajba. Fit-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Pippo Psaila kien aktar prudenti, żamm aktar il-pussess u kkontrolla l-attakki tal-avversarji. Partita brillanti għal kważi t-tim kollu Malti.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fl-14-il minuta meta minn korner ta’ Ray Vella, id-difiża tal-Estonja biegħdet parzjalment il-periklu, b’David Carabott jidħol tajjeb biex qassam lejn KRIS LAFERLA li kkontrolla l-ballun u minn qagħda ċentrali għeleb lil Poom. L-iskor seta’ sar 2-0 żewġ minuti wara, b’azzjoni personali ta’ Vella li qabeż tliet avversarji, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx angolata għeleb lil Poom iżda laħaq Kristo Kalliste li salva gowl ċert fuq il-linja.

Fit-tieni taqsima, David Cluett kien eċċezzjonali b’żewġ azzjonijiet fl-ewwel kwarta meta salva xuttijiet ta’ Risto Kallaste u Toomas Kallaste. Fl-aħħar 20 minuta, il-kowċ nazzjonali daħħal lil Jesmond Delia flok Martin Gregory biex jagħlaq aħjar l-ispazji, bit-tim Malti jibqa’ jżomm lill-avversarji bogħod mil-lasta.