Futbol Sport

47 SENA ILU: Gowl lejn it-tmiem ta’ Grech jagħti t-22 kampjonat lil Floriana f’partita deċiżiva kontra Birkirkara

(Ritratt: Sunday Times)

12 TA’ MEJJU 1973

Gowl fl-aħħar minuti ta’ Tichy Grech fisser it-22 kampjonat lil Floriana fi tmiem drammatiku għall-kampjonat tal-istaġun 1972/73. Floriana rebħu 1-0 kontra Birkirkara f’logħba deċiżiva għar-rebħ tal-kampjonat. Wara 20 sena, Birkirkara reġgħu kienu viċin li jirbħu l-ewwel kampjonat fl-istorja. Riedu biss jirbħu lil Floriana. Mhux talli ma rebħux il-kampjonat, talli b’din it-telfa Birkirkara spiċċaw fir-raba’ post. Floriana spiċċaw b’26 punt, punt aktar minn Sliema u Ħamrun u tnejn aktar minn Birkirkara u Valletta.

(Ritratt: Sunday Times)

Fost l-aktar azzjonijiet li spikkaw tul il-logħba, spikka dak li seħħ fil-50 minuta. Minn korner ta’ Willie Vassallo, daqqa ta’ ras ta’ Salvu Bonello qabad lill-gowlkiper barra minn postu iżda b’titjira spettakolari Freddie Calleja salva l-ballun fost l-għajjat tal-partitarji numerużi ta’ Birkirkara.

(Ritratti; il-mument/Sunday Times)

Il-gowl rebbieħ wasal 11-il minuta mit-tmiem. Il-gowlkiper Karkariż Freddie Calleja salva parzjalment lob ta’ Salvu Bonello, il-ballun spiċċa għand Frankie Micallef li reġa tefa’ għan-nofs minn fejn TICHY GRECH skorja b’daqqa ta’ ras. Wara l-logħba, it-telliefa kienu minn tal-ewwel biex jawguraw lir-rebbieħa. Il-President tal-MFA Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Floriana Alfred Debono.

(Ritratt: Sunday Times)