Iċ-ċifra tal-imwiet mill-Covid-19, mill-bidu tax-xahar, qabżet it-38,000 fir-Renju Unit u li hi l-agħar għall-vittmi rappurtata minn fost il-pajjiżi tal-Ewropa. Intant hu sinifikanti li s-sitwazzjoni qajjmet aktar domandi dwar kif il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qiegħed jieħu ħsieb din il-kriżi.
Iċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali għall-Ingilterra u Wales tellgħu ċ-ċifri uffiċjali tal-imwiet mill-Covid-19 (għar-Renju Unit) għal 38,289 sa mit-3 ta’ Mejju – ‘il fuq b’6000 fi spazju ta’ ġimgħa. Kienu evalwati wkoll ir-reġistrazzjonijiet tal-imwiet li jinkludu l-imwiet li seħħew fl-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Filwaqt li huma diffiċli l-paraguni (minħabba li s-sistemi għall-ġbir ta’ data jvarjaw minn pajjiż għal ieħor) iċ-ċifra tikkonferma lir-Renju Unit fost l-agħar pajjiżi tad-dinja li ntlaqtu minn din il-pandemija li rriżultat f’aktar minn 285,000 mewta fuq livell globali.
Din id-data ħarġet l-għada li Boris Johnson introduċa pjan gradwali biex il-Britanniċi jirritornaw lejn ix-xogħol. Filwaqt li spikkaw il-pariri biex in-nies jilbsu l-maskri tal-wiċċ, it-tentattivi tal-Prim Ministru għat-tneħħija ta’ miżuri tal-lockdown qajjmu l-konfużjoni fost il-pubbliku li lmenta dwar ‘messaġġi li ma kenux ċari’.
Sadanittant, iċ-ċifri tal-imwiet hekk għolja mill-Covid-19 ( għar-Renju Unit) żiedu l-pressjoni fuq Johnson – bil-partiti fl-Oppożizzjoni qed jakkużawh li dam jaħsibha wisq biex jimponi l-lockdown. Boris Johnson hu anki akkużat li dam biex jintroduċi proċeduri tat-testijiet fuq livell tal-massa u li ma provdiex biżżejjed tagħmir protettiv għall-istaff tal-isptarijiet fir-Renju Unit.
Ir-residenzi għall-anzjani u nies vulnerabbli oħra fil-pajjiż qed jirriflettu ‘statistika traġika’ dovuta għall-Covid-19 u fejn ir-rati tal-imwiet qed iħassbu sew lill-awtoritajiet Britanniċi. Dan fost rapporti li, f’ġimgħa waħda, mietu aktar residenti tal-care homes mill-infezzjoni milli mietu pazjenti l-isptar.
Rapport speċjali pubblikat jiem ilu jindika li r-residenzi għall-persuni vulnerabbli fir-Renju Unit spiċċaw ‘vittmi’ ta’ politika intiża biex tipproteġi lill-isptarijiet minn valanga ta’ każi tal-Covid-19 – bir-riżultat li wħud mill-aktar persuni dgħajfa fis-soċjetà spiċċaw esposti għall-infezzjoni.
Intant meta wieħed iqis il-fatturi demografiċi u s-sitwazzjoni minn popolazzjoni għall-oħra, ftit hemm dubju li r-Renju Unit ġarrab l-agħar tal-pandemija fost l-Istati tal-Unjoni Ewropea li jinkludu l-Italja, Spanja u l-Belġju.
//= $special ?>