Internazzjonali

Covid-19…Żviluppi madwar id-dinja

Ir-Russja, issa, għandha t-tieni l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus fid-dinja wara l-Istati Uniti. Dan wara li żdiedu 10,899 każ ta’ infezzjoni għal total ta’ aktar minn 232,000. Sadanittant, il-kelliem għall-Kremlin, Dmitry Peskov, ittestja pożittiv għall-Covid-19 u qed jinżamm l-isptar għal trattament.

Fl-Istati Uniti, it-Tabib Ewlieni Anthony Fauci mistenni jwissi lis-Senat ta’ Washington li f’każ li l-ekonomija tal-pajjiż tinfetaħ malajr wisq, is-sitwazzjoni kapaċi twassal għal ‘tbatija u mwiet bla bżonn’ mill-coronavirus. Fauci hu konsulent fil-kampanja tal-pajjiż biex jikkumbatti l-coronavirus.

Il-Korea t’Isfel qalet li hemm aktar minn 100 każ ġdid tal-Covid-19 fil-pajjiż, li huma relatati mad-distrett tan-nightclubs f’Seoul.

Il-Kabinett fil-Libanu dikjara li l-pajjiż se jkun f’sitwazzjoni ta’ ‘lockdown’ totali bejn l-Erbgħa u t-Tnejn. Il-pajjiż għandu 870 każ ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fost rapporti dwar qabża fil-każi bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn li għadda.

Il-kantant tar-Rock Kanadiż, Bryan Adams (ritratt), qed jiffaċċja l-kritika wara li infexx f’kummenti kontroversjali dwar is-sors tal-Covid-19 fuq il-media soċjali. Adams, fost oħrajn, attakka ‘lin-nies żaqqieqa li jieklu l-friefet il-lejl u jbiegħu l-annimali slavaġ fis-swieq’ – bil-kummenti jkunu interpretati bħala ‘anti-Ċiniżi’. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Kanadiżi-Ċiniżi għall-Ġustizzja Soċjali, intant, irreferiet għall-kliem ta’ Adams bħala ‘razzisti u irresponsabbli’.