Illum it-Tlieta 12 ta’ Mejju huwa l-Jum Internazzjonali iddedikat lill-infermieri. L-Assemblea Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddedikat din is-sena 2020 bħala is-Sena Internazzjonali tal-Infermieri u l-Qwiebel.
Dr Tedros Adhanom Ghebreyerus, Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qal li l-infermieri huma fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u qed imexxu din il-ġlieda kontra l-Coronavirus billi jużaw it-taħriġ professjonali tagħhom. Hu kompla jgħid li dan qed issir b’riskju kbir għalihom u għall-familji tagħhom fejn iddeskriva lill-infermieri bħala s-sinsla ta’ kull sistema tas-saħħa. Skond l-istess Għaqda Dinjija tas-Saħħa d-dinja għandha bżonn mill-anqas disa’ miljun infermier u qabla biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-għaqda.
F’isem il-Partit Nażżjonalista u fi stqarrija ffirmata minn Mario Galea, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Sahha Mentali, l-Ħarsien tal-Persuni b’Mod Sħiħ, il-Kura fil-Komunità, Dimensja, l-Ġlieda Kontra d-Diabete, u Drittijiet tal-Annimali, il-PN irringrazzja lill-infermieri Maltin u Għawdxin li bħalissa jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 b’riskju kbir għal saħħithom, ħajjithom u għas-saħħa tal-maħbubin tagħhom.
Ħafna minnhom bħalissa jinsabu mifruda mill-għeziez tagħhom biex inaqsu r-riskju għall-qraba tagħhom. Ta’ kuljum infermieri Maltin u Għawdxin jidħlu għax-xogħol biex ikomplu jiġġieldu l-virus qattiel. Minkejja dan, l-infermieri jibqgħu jaqdu dmirhom b’sagrifiċċju u taħt stress iżda b’determininazzjoni u dedikazzjoni li jibqgħu jieħdu ħsieb lil kull pazjent li safa vittma tal-COVID-19.
Fl-istqarrija l-PN qal li jaqbel mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li l-infermieri u l-qwiebel tagħna għandhom bżonn sapport, rispett u gratitudni għall-kuraġġ li qegħdin juru. Mario Galea tenna l-appell tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li l-infermieri u l-qwiebel għandhom dritt li jingħataw ħlas u kundizzjonijiet xierqa għax mingħajrhom l-ebda sistema tas-saħħa ma tista’ taħdem. Dawn il-professjonisti huma l-vuċi ewlenija għas-saħħa tal-poplu tagħna u jixirqilhom kull rispett u gratitudni.
Il-PN qal li ħafna esperti qed ibassru li waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19 diversi infermieri se jkollhom bżonn sapport psikoloġiku minħabba problemi ta’ saħħa mentali bħal Post Traumatic Stress Disorder kawża tal-istress u x-xeni li qed jmissu b’idejhom kuljum. Ħafna qed ibassru li wara din il-pandemija l-infermieri tagħna jistgħu jbatu minn kundizzjonijiet simili għal dawk li jbatu minnhom is-suldati li jintbagħtu għall-gwerra.
L-istqarrija fakkret li kull meta jispiċċa x-xift tagħhom l-infermieri qed imorru lura inkwetati jekk ġewx infettati iżda minkejja din il-biża, l-għada jerġgħu jmorru għax-xogħol biex ikomplu jagħtu l-aħjar kura professjonali b’tant kompassjoni lil dawk infettati bil-Coronavirus.
Dis-sena Malta hija kburija li l-Uffiċċju Reġjonali Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għall-Jum Internazzjonali tal-Infermieri għażel ritratt li deher għall-ewwel darba fuq The Times of Malta fejn żewg infermieri Maltin Charmaine Cauchi u Doreen Zammit li jidhru libsin ilbies protettiv u qed jagħmlu kuraġġ lil xulxin f’mument diffiċli li kienu għaddejjin minnu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei. Dan ir-ritratt permezz tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed idur madwar id-dinja kollha.
Il-Partit Nazzjonalista sellem lil Charmaine u lil Doreen kif ukoll lil sħabhom kollha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei u f’kull post ieħor fejn kollegi infermieri qegħdin jaħdmu ma’ pażjenti vittmi tal-pandemija.
F’dan il-Jum iddedikat lill-Infermieri Mario Galea sellem ukoll lill-infermieri kollha Maltin u Għawdxin u f’isem il-PM irringrazzjahom u wegħdhom it-talb tagħna biex jibqgħu f’saħħithom.
Din il-pandemija hija opportunità għall-poplu Malti kollu sabiex japprezza aktar is-servizz indispensabbli u ta’ livell professjonali għoli li jagħtu l-infermieri Maltin u Għawdxin kuljum.
Tabilħaqq “Meta ssalva ħajja tissejjaħ eroj. Meta ssalva ħafna ħajjiet tisejjaħ infermieri.”, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.
//= $special ?>