ARKIVJI Edukazzjoni Lokali

Il-Professur Raymond Mangion jinħatar Chairperson tal-Kunsill għall-Arkivji

Il-Professur Raymond Mangion għadu kif ġie maħtur Chairperson tal-Kunsill għall-Arkivji Nazzjonali mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera.

Il-Professur Raymond Mangion hu Professur tal-Liġi u tal-Istorja Legali fil-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. Hu gradwat fil-Liġi, fl-Istorja, fil-Patristika, fil-Lingwistika, fil-Letteratura kif ukoll fl-Istudji dwar il-Komunikazzjoni.

Huwa ntagħżel mill-Università ta’ Malta biex jissokta bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Oxford, l-Ingilterra, fejn kiseb it-tieni Dottorat fil-Liġi b’enfasi fuq l-Istorja tal-Leġiżlazzjoni.

Fl-1981, il-Prof Mangion beda jiġbor il-memorja kollettiva tan-nazzjon Malti u li issa tikkonsisti fil-konservazzjoni ta’ mijiet ta’ tifkiriet. Huwa wkoll il-kittieb u l-editur ta’ diversi kotba. Fl-2019, il-Professur Mangion ġie maħtur fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu u ngħata Ġieħ ir-Repubblika mill-President ta’ Malta George Vella.

Il-Ministru Herrera tenna li l-arkivat ta’ pajjiżna u l-memorja kolletiva tagħna huma parti integrali tal-wirt patrimonjali tagħna. Qal li l-ħidma ta’ dan il-kunsill li għadu kif ġie appuntat, flimkien mal-ħidma tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta mmexxija mid-Dott. Charles Farrugia bħala Kap Eżekuttiv u l-Arkivista Nazzjonali, se twassal biex inkomplu nippreservaw dokumenti, l-istorja dokumentata u l-memorja kollettiva.

Il-Ministru Herrera qal li l-Gvern hu mpenjat biex fis-snin li ġejjin jibni binja adekwata li tkopri l-arkivji kollha li twassal biex il-memorja u l-arkivji tagħna li huma parti integrali mill-patrimonju ta’ pajjiżna jiġu esposti għall-pubbliku.