Sport Sport Ieħor

Jitħassar il-Malta International Darts Open għal din is-sena

L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts ħabbret li t-33 edizzjoni tal-Malta International Darts Open ġiet ikkanċellata. L-edizzjoni ta’ din is-sena kellha ssir bejn is-17 u d-19 ta’ Novembru. Ir-raġuni prinċipali hi li minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 teżisti inċertezza dwar restrizzjonijiet ta’ vjaġġi mill-parteċipanti u distanza soċjali. Fl-edizzjoni tas-sena l-oħra, ħadu sehem total ta’ 507 parteċipant minn 20 pajjiż madwar l-Ewropa. Il-kompetizzjoni tal-irġiel intrebħet minn Joe Davis tal-Ingilterra filwaqt Jo Locke mill-Ingilterra wkoll, rebħet il-kompetizzjoni tan-nisa.

Il-koppja Joe Davis u Rob Collins rebħu s-sezzjoni tal-irġiel filwaqt li l-kategorija tad-doppji tan-nisa ntrebħet minn Jo Locke u Amanda Harwood. Għat-tieni sena konsekuttiva, fl-2019 sar ukoll avveniment għall-persuni b’abbiltajiet differenti, b’Thomas Callaghan jirbaħ l-edizzjoni. Fi stqarrija, l-MDA qalet li s-saħħa tal-plejers u l-uffiċjali hu t-tħassib ewlieni tagħhom. Bis-sitwazzjoni preżenti, l-MDA ġiet sfurzata li tikkanċella l-kompetizzjonijiet kollha tal-4, 5 u 8-a-side kif ukoll il-Premier League għal dan l-istaġun.