Internazzjonali

Jum imdemmi fl-Afganistan…Trabi maqtula fi sptar u attakk terroristiku waqt funeral

Grupp ta’ irġiel armati attakkaw sptar fil-belt kapitali ta’ Kabul, fejn l-organizzazzjoni internazzjonali Medecins Sans Frontieres qed tmexxi klinika għall-maternità – bir-riżultat li nqatlu tlettax-il persuna, fosthom żewġt itrabi.

Attakk ieħor seħħ fil-provinċja ta’ Nangahar – fejn mietu talanqas 24 persuna f’azzjoni suwiċida waqt funeral li rriżultat ukoll f’diversi midruba. Il-funeral kien qed isir għal kmandant tal-pulizija maqtul u preżenti għalih kien hemm l-uffiċjali tal-Gvern u tal-Parlament Afgan.

L-ebda grupp armat ma assuma responsabbiltà għall-attakki, bil-moviment militanti Iżlamiku tat-Taliban jirrifjuta kwalunkwe sehem fid-dmija. Sadanittant, mhux eskluż li l-attakki setgħu saru għan-nom tal-ISIS, il-grupp terroristiku li fil-passat wettaq azzjonijiet simili f’Nangahar kif ukoll f’Kabul. Dan wara li l-qawwiet tas-sigurtà Afgani, fil-bidu tal-ġimgħa, arrestaw lill-kap reġjonali tal-ISIS fil-kapitali.

L-attakk fuq l-isptar ta’ Dasht-e-Barchi f’Kabul tmexxa minn talanqas tliet militanti lebsin l-uniformijiet tal-pulizija li bdew jisparaw lejn il-persuni fil-viċinanzi huma u jwaddbu l-grenades. L-azzjonijiet ħallew numru ta’ mejtin u midruba, b’numru ta’ ħaddiema tal-isptar jinqabdu fi stat ta’ assedju, fost il-battalji fit-tul bejn l-aggressuri u l-membri tas-sigurtà.

Intant, l-aggressuri spiċċaw maqtulin kollha mill-qawwiet tas-sigurtà u wara li għexieren ta’ staff u pazjenti spiċċaw evakwati mill-klinika.

Madankollu, l-uffiċjali mal-Ministeri tas-Saħħa u l-Intern qalu li fost il-maqtula hemm ommijiet, infermiera u tfal – b’rapporti provduti mill-awtoritajiet Afgani juru żewġt itfal mejtin mal-art ġewwa l-isptar.

Fiz-zona fejn seħħ l-attakk jgħixu ħafna membri tal-komunità Hazara – minoranza tax-Xiti Musulmani li diversi drabi, fil-passat, sfat mira ta’ aggressjoni mill-militanti Sunni tal-ISIS.

Il-grupp Amnesty International ma tilifx iż-żmien biex jikkundana ż-żewġ attakki, bi stqarrija ssostni li ‘ir-reati tal-gwerra fil-konfront tal-klinika tal-maternità f’Kabul u l-funeral li kien qed isir f’Nangahar għandhom jagħmlu lid-dinja aktar konxja mill-orrur li qed ikollhom jiffaċċjaw iċ-ċivili Afgani’.

L-istqarrija kkonkludiet b’appell ‘biex l-aggressuri responsabbli jinżammu kontabbli ‘għal dawn ir-reati gravi’.